Kitba tal-Kav. Duncan Brincat
Ippreżentata nhar it-Tlieta 10 ta’ Diċembru 2019
Jimraħ il-ħsieb f’art għammiela, imdaqqsa, magħżula u mfissda mill-ħallieq bl-isbaħ ilwien naturali. Blat samm, ramel tafli, ħamrija għammiela, widien miżgħuda b’siġar u fjuri, ħlejqiet indiġeni u mrawma, daħliet kennija minn baħar lubien xi żmien aħrax u bla ħniena. Iċ-ċafċifa tal-mewġa mal-pruwa tal-kajjik, il-korla tal-ħalel mal-blat mhux mittiefes.
Il-kenn tal-ewwel baħħara li lemħu art dehbiena fuq ix-xefaq. Ħawtiela maż-żmien sawru rħajjel mibni fuq il-biedja u s-sajd. Kielu frott dirgħajhom, stangħew bil-fidi f’Alla: ħaffru raddi tar-roti għat-timriħa ta’xogħlhom, difnu lil qrabathom f’ipoġej. Sakemm ħalfu li jibnu l-ewwel maqdes fuq il-għolja maħtur b’qima u mħabba lis-Salvatur, ewlieni f’surtu fuq il-gżejjer.
Sħab dellel mil-Lvant: il-Mislem ħarbat il-kalma, is-skiet. Miġruħa, midruba, maħqura, iżda mhux mirbuħa: salib tqiegħed biex ħadd ma jinsa’ li r-rebħa fuq il-għadu seħħet f’dan l-imkien. Ir-raħħal u s-sajjied, ilżiema u bieżla, b’ħerqa u ħeġġa bnew mill-ġdid: kattru r-raħal, laqgħu ġnus ġodda. Ħalfu li dak li sawru ma jintgħelibx: ir-Rikażli ewlieni mdaqqas jgħasses id-daħla tal-marsa Maltija, is-Salvatur ikenni ħawtiel il-qala nissiela u l-maqdes lil Santa Barbara bil-ħrara ndukrat mill-irħieb Kapuċċini b’żelu u mħabba lejn il-fdal qaddis ta’ Santa Liberata.
Fuq it-tarf mislut tal-għolja qaddisa, il-binja ta’ Bighi minn għorfa saret sptar: ilqugħ għal dawk midruba. L-art għammiela keffnet fi ħdanha ulied mhux tagħha, b’imħabba u għożża.
Il-kotra żdiedet, l-art imtliet, inbena l-maqdes li kellu joftom dak li sa minn dejjem kien miftum: twieldet art ħielsa maħtura lil San Ġużepp. Il-ġens maħtur kiber u stagħna, fis-sengħa u fiż-żina. L-għassa żdiedet, il-ħarsien tkattar: sab imkienu l-akbar kanun fid-dinja.
Iżda, sħab reġa’ dellel, din id-darba mix-xmiel: gwerra għariba qerdet l-inħawi, ġarrfet għal kollox il-maqdes ewlieni, kisret u qatlet ulied bla ħtija. Kollox imkisser, imġarraf, meqrud: kollox mitmum.
Ix-xemx xifret rebbieħa, il-ħalel battew. Seħħ il-qawmien tal-qalbiena: għamru li jerġgħu jibnu dak li l-barrani kien kisser. B’ħila u setgħa qalbu l-folja. Il-kotra reġgħet lura, ngħaqdet, bniet mill-ġdid. Sawwret art mirquma, isbaħ milli kienet, ħattet l-imgħoddi, bniet maqdes akbar, kattret ġens sovran.
Illum, din l-art waħdiena fl-għamla tagħha tisboq fejn il-ħsieb ma jasalx. Dak li ssawwar bi dritt, frott il-medda magħżula, illum hija l-art magħrufa bħala l-Kalkara.