The Malta and Mediterranean Gas Company

maltese english

Kitba min The Malta Grand Harbour and its Dockyard 
ta’ Joseph Bonnici u Michael Cassar

Il-gass kien il-bidu tal-kummerċ estensiv tal-faħam fMalta. Fl-1854 il-Malta and Mediterranean Gas Company ingħatat konċessjoni ta 99 sena biex twaqqaf impjanti fil-Kalkara u l-Marsa biex tipproduċi gass tal-faħam għat-tisħin, dawl u tisjir. Ix-xogħlijiet fil-Kalkara ma kinux popolari u l-Kumpanija, miċħuda sit fGħajn Dwieli, ikkonċentrat fuq l-impjant ta’ Xatt tal-Mitħna fil-Marsa, filwaqt li dak tal-Kalkara kien jintuża għall-ħażna tal-gass fejn eventwalment ġie abbandunat. L-impjant tal-Marsa kien fih żewġ tankijiet kbar tal-gass u biswithom żona fejn jinħażen il-faħam bkapaċità ta’ aktar minn 7,000 tunnellata.

Fl-1894 l-elettriku ħa post il-gass għall-mixgħela tad-dwal tat-toroq iżda l-konsum għat-tisjir irdoppja bejn l-1887 u l-1913, bl-għola domanda tkun dik ta matul l-Ewwel Gwerra Dinjija minħabba d-domanda tal-isptarijiet. Il-konsum kien l-ogħla fTas-Sliema u l-Gzira, segwit mill-Belt Valletta. Il-provvisti ġew interrotti matul it-Tieni Gwerra Dinjija minħabba li fl-eqqel tal-assedju ftit vapuri kienu qed jaslu sal-port.

Fl-1945 is-sit tal-impjant tal-gass tal-Kalkara f Ta l-Gheżieli nxtara biex floku tinbena knisja parrokkjali ġdida.

Protesta mill-proprjetarji u l-abitanti tal-Calcara

Kitba ta’ Vince Peresso

Huwa pjuttost naturali li meta jkun ippjanat proġett ġdid ikun hemm xi biżgħat min-nies li jgħixu fil-viċinanzi.

Fl-1862 il-proġett ta kumpanija tal-gass fil-villaġġ tal-Calcara fil-periferija tal-Kottonera, ipprovoka protesti minn tmienja u tletin abitant u proprjetarji mil-Calcara. Huma beżgħu li dan il-proġett kien ser joħloq ħafna inkonvenjent għalihom inkluż li jesponihom għall-irwejjaħ u d-duħħan. Huma beżgħu wkoll li l-Calcara titlef l-attrazzjoni tagħha bħala post tas-sajf għall-abitanti tal-Kottonera.

Bi tweġiba għal din il-petizzjoni, il-Gvernatur Le Marchand iddikjara li l-gvern tiegħu m’għandux is-setgħa li jindaħal f’intrapriża privata. Fuq kollox huwa esprima l-opinjoni tiegħu li proġett bħal dan ikun ta’ benefiċċju kbir għall-popolazzjoni. Diplomatikament huwa afferma li jekk jinħoloq inkonvenjent, il-petizzjonanti jistgħu dejjem imorru lura għall-Qrati tal-Ġustizzja għal rimedju.