Sejba ta’ Ħaġar Eġizzjan fil-Kalkara

Nhar is-27 ta’ Ottubru 1830, il-propjetà li kienet tikkonsisti minn żewġ djar bin-numri 22 u 25 fuq l-għolja tas-Santissimu Salvatur inxtrat mingħand Salvatore Pirotti, bl-ewwel dar għal 1950 skud u l-oħra 1202 skud. Pjanti li kienu saru minn Giuseppe Bonavia u Salvatore Xerri xi snin qabel ma nstabux, iżda mid-deskrizzjoni u l-post li ssemmha fl-Atti Nutarili nistgħu nassumu li dawn kienu r-residenzi li ngħataw lill-Ammirall, lis-Segretarju tal-Kirurgu, lill-Monsinjur u lis-Surġent tal-Kwartieri tal-Pulizija għal bini tal-isptar Bighi.

Waqt it-tħaffir tal-pedamenti nstabu ħames ħaġriet qodma (ċippus) Eġizzjani. Illum dawn qegħdin miżmuma ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Brittanniku. Kienu ġew preżentati mis-Sur J. B. Collings, li kien Chief Clerk tal-Kummissajru Navali, u accountant għax-xogħolijiet li kienu qed isiru fl-isptar.

Il-kitbiet Eġizzjani ta’ fuq kull waħda minnhom kienu ġew studjati u maqlubha għall-Ingliż mill-Professur Bissing ta’ Munich fl-1907. Dawn iċ-ċippus huma komuni fl-Eġittu u huma offerti ta’ talb. Imorru lura bejn 3000 u 1300 sena qabel Kristu. L-iktar waħda importanti minnhom hija immarkata 181 fil-mużew fis-sezzjoni tal-gallariji Eġizzjani: hija ħaġra tal-oqbra ta’ Ankef, il-ħaddied u l-familja tiegħu bi skrizzjonijiet għal talb għal ruħhom. Il-ħaġra ovali ta’ Men-Em-Het, it-tielet magħrufha hija  għolja pied u wiegħsa 10.5 pulzier.

233 computerised

L-skrizzjoni tal-ħaġra numru 233 kompjuterizzata

Il-ħaġra bin-numru 535 fil-Mużew Brittanniku hija ta’ żmien it-18-id-dinastija. Mara, Ibnes, titlob lil Osiris, f’isem ħuha Tui li miet, u xerdet offerti tax-xorb. Din hija għolja 8 pulzieri. Ħaġra oħra, simili ħafna bħal ta’ qabel insibu mara, Nubneferet, titlob lil Osiris f’isem oħtha Horemhenet. Din tmur lura għal bidu tat-18-id-dinastija. It-tnejn l-oħra huma kważi imkisrin filwaqt li l-iskrizzjonijiet mhux korretti. Madankollu, it-tnejn li huma jagħtu tifħir lil Osiris b’waħda minnhom għall-erwieħ.

Dawn is-sejbiet ferm interessanti mhux neċessarjament jimplikaw kolonji merċenarji Eġizzjani ġo Malta, dan għaliex huwa magħruf li l-Feniċi kienu jġorru affarijiet Eġizzjani magħhom kull fejn marru.

Dawn l-iskrizzjonijiet Eġizzjani li ġew skoperti mill-Kaptan Smith, jissemmew ukoll f’Malta and the Knights Hospitallers, miktub minn Bedford, f’paġna 75.

Ir-ritratti tal-ħaġar meħudin mil-kitba: Egyptian stelae from Malta, Jeremy Young, Marcel Marée, Caroline Cartwright and Andrew Middleton

This slideshow requires JavaScript.