Santa Liberata: 270 sena fostna

Kitba tal-Kav. Duncan Brincat

Għall-ħabta tal-1733 il-Patrijiet Kapuċċini Maltin li kienu ilhom għal 145 sena jagħmlu parti mill-Provinċja ta’ Sirakuża fi Sqallija, ħassew li kien wasal iż-żmien li jiffurmaw kustodja għalihom taħt il-Ġeneral tal-Ordni. Dan aċċetta din it-talba bil-kundizzjoni li huma jibnu żewġ kunventi oħra fil-gżejjer Maltin. Il-Patrijiet Maltin laqgħu din l-isfida u tliet snin wara poġġew l-ewwel ġebla tal-Kunvent tal-Kalkara u sena wara dak ta’ Għawdex. Wara ħolma li kellu, Ġużeppi Valerio Abela, irregala biċċiet ta’ art li kellu fil-Kalkara, fl-inħawi magħrufa bħala ‘tal-Għassieli’ 459 metru ’l bogħod mis-sur tas-Salvatur, lill-Patrijiet Kapuċċini biex fuqha jwaqqfu Knisja u Kunvent. Dan il-benefattur talab li waħda mill-kappelli tkun dedikata lil Santa Barbara b’tifkira ta’ ommu li kienet mietet bil-pesta tal-1676. Il-Gwardjan Patri Ġużepp Grech mhux biss aċċetta din it-talba, iżda ġie deċiż li l-Knisja kollha tiġi ddedikata lil din il-qaddisa. Fit-18 ta’ Ġunju 1736 tbierket l-ewwel ġebla mill-Arċisqof Mons. Paolo Alphéran de Bussan. Iż-żewġ binjiet saru fuq disinn ta’ Fra Ġużepp, ajk Kapuċċin, u mħallsa permezz ta’ ġbir fosthom mingħand il-Gran Mastru António Manoel de Vilhena. Il-Knisja u l-Kunvent ġew miftuħa uffiċjalment u mbierka fit-2 ta’ Awwissu 1743.

Sadanittant, billi l-Knisja u l-Kunvent kienu jinsabu ’l bogħod mill-Kottonera u Ħaż-Żabbar, u l-irħajjel tal-Kalkara kien għadu ċkejken wisq, il-Patrijiet xtaqu jsibu mezz biex jiġbdu iżjed nies lejhom u lejn il-Knisja tagħhom. F’Ottubru tas-sena mqaddsa 1750, Patri Feliċ Maria de Martino u l-lajk Fra Innoċenzu Negroponte marru l-Vatikan għand il-Papa Benedittu XIV u ppreżentawlu rikors fejn talbuh jagħtihom korp-sant ta’ xi martri biex jesponuh bil-qima f’din il-Knisja. Il-Papa laqa’ t-talba tagħhom u bagħthom għand il-Monsinjur Sagrista tal-Bażilika ta’ San Pietru. Fis-27 tal-istess xahar marru b’kaxxa, u ġo fiha ngħatalhom il-ġisem qaddis tal-Martri Santa Liberata. Magħha tahom ukoll ‘l-awtentika’, dikjarazzjoni li dan il-korp-sant kien tassew ta’ martri li kien instab fl-24 ta’ April tal-istess sena, fil-katakombi ta’ San Kallistu f’Ruma, fejn kienu jinżammu l-iġsma tal-martri li kienu mietu fi żmien il-persekuzzjoni tal-insara. Fl-istess dikjarazzjoni kien hemm miktub li dan il-korp-sant kien mgħoti speċifikament għal dan il-kunvent. Żewġ aħwa Maltin li kienu jgħixu Ruma, Andrea u Enrico De Pietro, taw lill-Kapuċċini żewġ żekkini Venezjani biex jiġu mgħotija lill-Monsinjur Sagrista. Imbagħad, fil-31 ta’ Ottubru 1750 iż-żewġ reliġjużi telqu minn Ruma biex waslu Malta fit-2 ta’ Jannar 1751.

Il-korp-sant ta’ Santa Liberata

Sena u nofs wara, fl-14 ta’ April 1752, inħatar bħala Gwardjan tal-kunvent Kalkariż Patri Anselmu mill-belt Valletta, li ħaseb biex fil-21 ta’ Lulju huwa flimkien ma’ Patri Pietru, jieħdu l-kaxxa bil-korp-sant li kienet għadha magħluqa bis-siġill oriġinali, għand l-Isqof ta’ Malta Mons. Paolo Alphéran de Bussan fl-Imdina. Hawn inkiser is-siġill u nfetħet il-kaxxa, bl-ewwel li tidher kienet ras il-qaddisa. Jingħad li dak il-ħin stess ħarġet riħa tfuħ ħafna. Minnufih huma nnutaw li din il-matri sofriet ħruxijiet kbar tant li kienet irċeviet daqqiet qawwija fuq rasha u għonqha, filwaqt li ġew maħsuda minn ġisimha l-pali ta’ idejha u ta’ riġlejha. Il-korp-sant ittieħed għand Francesco Lamora li libbsu b’mod artifiċjali bħala xbejba u reġa’ ttieħed lura għand l-Isqof li ssiġilla l-urna minn ħames bnadi. L-Isqof ukoll ippreżenta ‘awtentika’ oħra minn naħa tiegħu, b’ċertifikazzjoni uffiċjali. Eżattament wara, il-korp-sant ta’ Santa Liberata ttieħed il-belt Valletta għand il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca li laqgħu b’devozzjoni fil-palazz tiegħu, eżattament f’waħda mis-swali mżejna bid-damask u l-kandelabri mixgħula. Minn hawn, Santa Liberata ġiet trasportata għand il-Ġirbi Ġużeppi Cachia li offra li jieħu ħsieb it-translazzjoni solenni mill-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu għall-Kunvent tal-Kapuċċini tal-Kalkara.

Il-korp-sant tqiegħed f’arka tal-fidda u ġie espost għall-ewwel darba għall-pubbliku f’sala bid-damask. Fis-16 ta’ Settembru 1752 il-korp-sant ittieħed għall-qima tal-Inkwiżitur Mons. Passionei, imbagħad fil-Monasteru ta’ Santa Skolastika, biex fl-aħħar ittieħed fl-Oratorju tas-S.S. Kurċifiss fejn xi saċerdoti rreċtaw l-uffiċċju divin sakemm sebaħ. L-għada l-Ħadd 17 ta’ Settembru 1752 il-Kleru tal-Birgu flimkien mal-Patrijiet Kapuċċini wasslu l-korp-sant mill-Oratorju sal-Knisja Parrokkjali, fost l-isparar u d-daqq tal-qniepen. Hemm saret quddiesa solenni mmexxija mill-Kappillan Dun Andrea Decaro. Wara nofsinhar tkanta l-għasar u sar paniġierku minn Dun Ġwann Battista Falzon. Kif intemm beda pellegrinaġġ lejn il-Knisja ta’ Santa Barbara fil-Kalkara fejn fih ħadu sehem mall-mitejn fratell minn diversi fratellanzi, il-patrijiet tat-tliet kunventi tal-Kapuċċini, il-patrijiet Dumnikani u l-kleru kollu tal-Birgu u ta’ Bormla. L-arka kienet merfugħa minn tmien patrijiet u tmien qassisin. Minbarra diversi Maltin li akkumpanjaw, ħa sehem ukoll il-Baruni Martino Pinto, ħu l-Gran Mastru. B’ordni tal-istess Gran Mastru mill-Forti San Mikiel ġew sparati tiri bil-kanun bħala tislima. Iż-żewġ mini li l-korp-sant għaddha minn taħthom, jiġifieri ta’ Santa Margerita u tas-Salvatur ġew imżejna għall-okkażjoni, kif kienet imżejna ukoll l-Knisja ta’ Santa Barbara fejn fil-faċċata kien hemm l-immaġni mpinġija tal-qaddisa martri.

Kif Santa Liberata waslet fil-Knisja, l-arka ġiet imqegħda fuq l-artal maġġur fost tiżjin ta’ fjuri, damask tal-ħarir u oġġetti tal-fidda. Ġie ntonat it-Te Deum u saret talba lill-qaddisa. Fuq barra kien hemm mixgħela u nħaraq xi logħob tan-nar fil-pjazzetta.  L-għada, 18 ta’ Settembru, saret quddiesa solenni mill-Kappillan tal-Birgu Dun Andrea Decaro u niseġ il-paniġierku Dun Franġisk Uzino. Wara nofsinhar tkanta t-tieni għasar. Iċ-ċelebrazzjonijiet komplew tant li saru għaxar tijiem ta’ eżerċizzi spiritwali. Fl-1756 inġiebet minn Ruma indulġenza plenerja għall-festa ta’ Santa Liberata li issa bdiet tiġi ċċelebrata fir-raba’ Ħadd ta’ Settembru. Id-devozzjoni lejha xterdet bil-bosta. Kienu ħafna dawk li kienu jiġu jitolbu l-grazzji meħtieġa. Il-Knisja saret iżjed magħrufa bħala ta’ Santa Liberata, minflok it-titular ta’ Santa Barbara, tant li fl-1928, it-triq li tagħti għall-kunvent u li sa dak iż-żmien kien jisimha Via dei Capuccini, saret jisimha Triq Santa Liberata.

Fl-1933 il-Prof. Debono eżamina l-kranju tal-korp-sant u kkonkluda li Liberata kienet żgħażugħa ta’ madwar 40 sena ta’ razza Rumana. Jingħad ukoll li dabra waqt quddiesa solenni ta’ nhar il-festa, waqt li Monsinjur tal-Kattidral kien qed jagħmel il-paniġieru, faqqgħet sajjetta li kissret l-għatba tal-irħam ta’ barra tal-Knisja, iżda minn nies li kien hemm ma weġġa’ ħadd. Il-paniġerista, niżel dak il-ħin stess minn fuq il-pulptu u libbes is-salib pettorali tiegħu lil Santa Liberata.

Is-salib pettorali li tlibbes lil Santa Liberata

Il-fdal imlibbes ta’ Santa Liberta tqiegħed fuq l-artal tal-kappella tal-Madonna ta’ Loreto, fejn għal bosta snin il-ħitan kienu miksija b’diveri kwadri votivi u ex-voti tal-fidda. Għall-ħabta tal-1800, fi żmien il-Gwardjan Patri Ġużepp Anton, tneħħew u ġew impittra żewġ xeni kbar xogħol Antonuzzo Naici, li juru żewġ episodji mill-martirju tal-qaddisa ġewwa Ruma.

Matul is-seklu 20, l-iskultur Wistin Camilleri ħadem wiċċ ġdid għall-korp-sant ta’ Santa Liberata flok dak li kien hemm qabel. Dan ġie mħallas Ġużeppi Zammit. Nikola Bonello rregala par imsielet ta’ ħaġar prezzjuż, filwaqt li Patri Rafel Kapuċċin libbes lill-korp-sant b’ilbies ġdid mill-ifjen u dak l-antik ġie mqassam bħala relikwiji. Sar ukoll ċinturin tal-fidda donazzjoni tal-familja Vella mill-Kalkara filwaqt li saret ukoll teka li fiha tqegħdet ir-ras ta’ din il-martri. Maż-żmien inkitbu kurunella, talba u anki innu lil Santa Liberata Martri u mal-medda tas-snin saru diversi festi u ċelebrazzjonijiet kbar ad unur din il-qaddisa, fosthom anki tiġrija bid-dgħajjes u ġostra. Għalkemm bħal diversi martri oħra ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ Santa Liberata, nafu żgur li din inqatlet f’Ruma matul il-persekuzzjoni kontra l-Insara li bdiet fis-sena 64 taħt Neruni u ntemmet fis-sena 324 taħt Licinius wara r-rebħa li għamel l-Imperatur Kostantinu. Madankollu, id-devozzjoni lejha f’pajjiżna mhux biss hija waħda magħrufa, iżda baqgħet b’saħħitha mar-radda taż-żmien. Illum, il-Patrijiet Kapuċċini tal-Kalkara u Santa Liberata huwa mwaħħdin flimkien, b’rabta li ma tintemmx.

Il-Kav. Duncan Brincat, Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, waqt il-qari tar-riċerka dwar il-korp-sant ta’ Santa Liberata, il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru 2022. (Ritratt: Joe Borg)