Matul ix-xahar ta’ Novembru, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ppreżentat dokument ta’ proposti dwar il-Kalkara lill-Onorevoli Glenn Bedingfield bħala parti mis-sejħa li saret għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tal-Kottonera.
L-Assoċjazzjoni, filwaqt li apprezzat li din l-istrateġija proposta mhux biss tinkludi fiha t-tliet ibliet li storikament iffurmaw il-Kottonera iżda ukoll il-Kalkara, saħqet li kien ilu jinħass il-bżonn li din ix-xaqliba ta’ Malta tingħata prijorità, u dan mhux biss minħabba l-wirt storiku kbir li jinsab fiha, iżda ukoll minħabbba dak kollu li matul iż-żmien għaġinha u sawwarha. Bħala Asssoċjazzjoni nemmnu bis-sħiħ li kull investiment li jsir mill-Gvern f’dawn l-inħawi jista’ jrendi ħafna lura, mhux biss fl-aspett soċjali, iżda wisq iżjed fl-aspetti kummerċjali, turistiċi u anki dak tal-impjiegi.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ppreżentat diversi proposti, kemm infrastrutturali u anki soċjali, li għandhom direttament x’jaqsmu mal-Kalkara, u dan għaliex finalment dak huwa l-iskop tal-istess Assoċjazzjoni. Għalkemm dawn ir-rakkommandazzjonijiet huma biss għal raħal wieħed, intrinsikament ser ikunu qed iħallu rippling-effect pożittiv fuq il-lokalitajiet l-oħra tad-dawra.
Il-Kalkara hija l-ikbar żona u l-iktar waħda mifruxa mill-inħawi kollha, filwaqt li hija l-aktar waħda li għadha tgawdi żoni rurali u mhux żviluppati. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara temmen li bi pjan konkret, il-Kalkara kapaċi tissebbaħ u tingħata aktar ħajja, filwaqt li ma titlifx l-identità tagħha bħala raħal kwiet bi tradizzjoni rikka.
Biex taqra iżjed u tkun infurmat fid-dettal dwar il-proposti tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, niżżel id-dokument bil-proposti billi tagħfas fuq Rapport Strategija għall-Kottonera