Nhar it-Tlieta 13 ta’ Marzu fil-binja tal-Parlament Malti rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara iltaqgħet b’mod kordjali mal-Onor. Glenn Bedingfield, Membru Parlamentari li fl-aħħar jiem ġie maħtur biex imexxi tim ta’ strateġija għall-Kottonera u l-madwar. Huwa spjega li din l-istrateġija hija mmirata għal effetti immedjati u oħrajn li se jinħassu matul iż-żmien, iżda qal ukoll li permezz tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera ser issir konsultazzjoni wiesa’ dwar proġetti ta’ restawr li se jitwettqu mill-istess Kumitat. Sadanittant, il-membri tal-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara saħqu dwar il-ħtieġa li l-Forti Ricasoli jingħata l-attenzjoni meħtieġa minnufih, speċjalment għax partijiet minnu diġà ntilfu għal kollox. Huma semmew diversi żoni storiċi oħra li jirrekjedu restawr fosthom id-daħla tal-Kalkara. Dan ma jnaqqasx ukoll il-bżonn ta’ spazji fil-magħluq fejn iż-żgħażagħ Kalkariżi jistgħu jiltaqgħu. Il-laqgħa ntemmet permezz ta’ diskussjoni dwar proġetti li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qed taħdem fuqhom biex jitwettqu fiż-żmien li ġej. Għal din il-laqgħa attendew il-President Ivan Cauchi, is-Segretarju Duncan Brincat, it-Teżoriera Josette Deguara u l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Etienne Camilleri.
Rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni matul laqgħa kordjali li saret mal-Onor. Glenn Bedingfield fil-binja tal-Parlament Malti.