Matul l-aħħar jiem delegazzjoni mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kellha laqgħa mal-Onor. Dr. Josè Herrera, Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Fost it-temi li ġew diskussi nsibu r-restawr u l-manutenzjoni tal-Forti Ricasoli fejn l-Onor. Dr. Herrera mhux biss tkellem dwar l-inizjattivi u l-ħidma li għaddejja bħalissa, iżda sostna l-impenn tiegħu li jinstabu fondi biex dan il-proġett ikun wieħed ħolistiku. L-Assoċjazzjoni rrimarkat li dan il-pjan huwa fl-istess linja ta’ ħsieb tagħha, u rringrazzjat lill-Ministru għall-impenn tiegħu.
Ġew diskussi ukoll temi oħrajn fosthom l-inventarju nazzjonali tas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali u diversi proġetti mwettqa u li ser jitwettqu mill-Assoċjazzjoni fil-Kalkara. Id-delegazzjoni tal-Kumitat tad-Direzzjoni raddet ħajr lill-Onor. Dr. Herrera tal-impenn li wera matul id-diskussjoni kollha.
Għall-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienu preżenti l-President Ivan Cauchi, is-Segretarju Duncan Brincat, il-Viċi-President Nathalie Seguna u l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Etienne Camilleri.