Bħala parti mir-rakkommandazzjonijiet li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara wettqet fil-konfront tal-Istrateġija tal-Kottonera, matul il-ġimgħa li għaddiet ġie ppreżentat rapport lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara dwar suġġerimenti għal tibdil f’xi ismijiet tat-toroq fil-lokalità.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara temmen li wasal iż-żmien li ammont ta’ toroq fil-Kalkara jingħataw isem ġdid, dan l-iżjed bħala rifless ta’ toroq ġodda li sal-lum jinsabu mingħajr isem, oħrajn li ma jirriflettux il-bidu ta’ triq ġdida, u oħrajn li għandhom ismijiet li xejn m’għandhom x’jaqsmu mal-lokalità.
Fis-sena 2017 il-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq ħabbar linji gwida għat-tismija ta’ toroq ġodda u kull post pubbliku ieħor. Fost diversi affarijiet oħra, waqt il-konferenza li saret mill-istess Kumitat ngħad kif fl-użu tal-ismijiet tat-toroq “…għandha tinżamm it-topografija tal-lokal. Ingħad ukoll li qed jiġi kkunsidrat li triq li ddur f’kisra ta’ 90 grad tingħata isem differenti.” (One News 14 ta’ Marzu 2017)
Fil-Kalkara, minbarra li nsibu toroq mingħajr isem (li normalment jingħataw l-isem “Triq ġdida fi Triq…”), jeżistu ismijiet ta’ toroq li fl-ebda ħin ma jirrispettaw it-topografija tal-lokalità. Fost l-oħrajn insibu toroq li ngħataw isem għal oġġetti mhux relatati mall-Kalkara, kif ukoll għal persunaġġi Maltin u anki barranin li probabilment fl-ebda mument ta’ ħajjithom ma rifsu art Kalkariża. Sadanittant, jeżistu diversi oġġetti, avvenimenti u persunaġġi Kalkariżi li sfortunatament ġew miċħuda milli jkollhom triq imsemmija għalihom. Dan minbarra li jeżistu ukoll toroq li jduru f’kisra ta’ 90 grad u anki jintemmu fi stadju partikulari, bit-triq biswithom ikollha l-istess isem tat-triq preċedenti. Dan iwassal għal ċertu taħwid referenzjali, speċjalment minn persuni li ma joqgħodux il-Kalkara u allura ma jkunux jafu b’din ir-realtà.
Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 363.10 tal-1995, kif emendata bl-Avviż Legali 65 tal-2016, jistipula li r-rakkomandazzjonijiet għall-għoti jew l-għoti mill-ġdid ta’ ismijiet lit-toroq għandu jseħħ mill-Kunsilli Lokali wara li jissottometti r-rakkomandazzjoniji tiegħu lill-Ministru responsabbli għall-Uffiċċju Elettorali li minn naħa tiegħu għandu jirreferi b’dan lill-Kumitat għat-Tismija ta’ Toroq għall-parir tiegħu.
Għaldaqstant, dan ir-rapport ta’ suġġerimenti dwar l-ismijiet tat-toroq fil-Kalkara mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ġie mgħoddi lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tiegħu, sabiex isegwi l-proċess kif indikat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja. Dawn is-suġġerimenti saru ukoll fid-dawl ta’ artiklu 4 tal-istess liġi fejn l-Assoċjazzjoni temmen li r-raġunijiet li qegħdin jinġiebu għal tibdil ta’ ċertu ismijiet huma validi peress li ma jirrispettawx it-topografija tal-Kalkara.
L-Assoċjazzjoni saħqet li, “Il-frażi Ingliża tgħid ‘What’s in a name?’ Huwa minnu li isem tat-triq mhux ser jagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti. Madankollu, huwa minnu ukoll li bħala poplu għandna nagħtu ġieħ u nirrikonoxxu avvenimenti u l-isforzi ta’ persuni Kalkariżi matul iż-żmien. Huwa b’dan f’moħħna li bħala Assoċjazzjoni nixtiequ li t-toroq ta’ raħalna jkunu mera ta’ dak li nemmnu fih u ngħożżu: dak li jiddistingwina minn lokalitajiet oħra u joħloq il-karattru awtentiku ta’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.”
Matul il-laqgħa kordjali, iż-żewġ naħat qablu dwar il-bżonn li jsiru xi tibdiliet, li iżda għalissa kienu suġġerimenti li ser jiġu diskussi minn naħa tal-Kunsill Lokali fiż-żmien li ġej. L-Assoċjazzjoni ppropniet li t-tibdil meħtieġ għandu jsir fuq ammont ta’ snin u mhux kollu f’salt, u dan sabiex ma joħloqx problemi mhux neċessarji lir-residenti.
Minn naħa tal-Kunsill Lokali kien hemm preżenti s-Sindku Speranza Chircop, il-Viċi Sindku Chris Bruno u l-Kunsilliera Paul Bongailas, Vince Bongailas u Maria Sultana. Id-delegazzjoni mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienet magħmulha mill-President Ivan Cauchi, is-Segretarju Duncan Brincat u l-Viċi President Nathalie Seguna.
Biex taqra iżjed u tkun infurmat fid-dettal dwar il-proposti tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara fir-rigward tal-ismijiet tat-toroq fil-Kalkara, niżżel id-dokument bil-proposti billi tagħfas hawn – Rapport Ismijiet tat-Toroq fil-Kalkara.