Artiklu meħud minn “Leħen is-Sewwa” – Is-Sibt 1 ta’ Novembru, 1975, kitba ta’ Mons. Prof. A. Bonnici
Deħlin fix-xahar ta’ Novembru, ix-xahar tal-Mejtin. Xieraq għalhekk, li nidħaddtu fuq xi suġġett li għandu x’jaqsam magħhom. U għażilt l-Erwieħ ta’ Wied Għammieq.
Niftakar meta kont tfajjel, kultant ommi kienet tagħmel xi wegħda li tmur tinvisthom, kemm -il darba jaqalgħula xi grazzja kbira minn għand Alla. Meta kienet taqla’ l-grazzja mitluba, kienet tagħżel l-ewwel Tnejn tax-xahar – jum dedikat għal dawk l-erwieħ – u konna mmorru l-familja kollha, jew sal-Birgu bil-lanċa, imbagħad konna nimxuha sa Wied Għammieq, limiti tal-Kalkara, jew sal-Irnella bid-dgħajsa, imbagħad konna ninżlu ħdejn l-arkati u nitilgħu bil-mixi sa dak il-post.
Niftakar li mal-wegħda tal-viżta, ommi kienet twiegħed ukoll flixkun żejt, ħalli jinxtegħel fuq l-oqbra tal-Mejtin midfunin hemmhekk. Wara li tagħmel dik l-offerta, konna ngħidu ħames posti “Requiem” b’suffraġju ta’ dawk l-erwierħ. Jidher li kienet ukoll timxi għarkubbtejha matul il-passaġġ li jaqsam iċ-Ċimiterju, minn ħdejn il-bieb sal-monument li qiegħed fin-nofs.
Fejn qiegħed dan iċ-Ċimiterju? Mhux il-bogħod mit-trufijiet tal-Irnella u min-Forti Ricasoli li tħadditna dwaru fl-aħħar artiklu tagħna, fl-inħawi tal-Kalkara.
IL-KOLERA TAL-1837
Kif konna għidna, wara li nbena l-Isptar ta’ Bichi, l-Ingliżi ma baqgħux jużaw aktar il-Forti bħala sptar u battluħ għal kollox. Fis-sena 1837, skuppjat hawn Malta l-epidemija tal-kolera, marda li tittieħed u li tiġi mill-iIma jew ikel imniġġes jew mil-ħmieġ tad-dubbien. Jingħad li b’din il-marda nqerdu f’Malta u Għawdex fuq l-4,000 ruħ fl-erba’ xhur bejn id-9 ta’ Ġunju u d-9 ta’ Ottubru.
Qabel ma faqqgħet din il-marda kien hemm mas-750 xiħ u xiħa jgħammru fl-Ospizju tal-Furjana, bini li, għalkemm għadu jeżisti, llum hu nofsu mwaqqgħa, tgħaddi għaliħ minn wara d-Depot tal-Pulizzija min naħa tax-Xagħra.
Għal min ma jafx: dak l-Ospizju inbena mil-Grammastru Manoel de Vilhena għall-ħabta tal-1730, bil-ħsieb li fih jistkennu xjuħ, irġiel u nisa, li ma kellhomx min idur bihom, xbejbiet biex jeħilsu mit-tiġrib tal-ħażen u nies foqra biex itaffu t-tbatijiet tal-ħajja. Fuq dan l-Ospizju għad nitħaddtu fit-tul aktar il-quddiem.
TISKOPPJA L-KOLERA FOST IX-XJUĦ
Mela, fid-9 ta’ Ġunju 1837 tfaċċa fost ix-xjuħ ta’ dak l-Ospizju l-ewwel każ tal-Kolera u f’daqqa waħda, l-għadd tal-imniġġsin beda jikber. Il-Gvernatur Sir Henry Frederick Bouverie, għalhekk, ordna li dawk ix-xjuħ jitneħħew minn dak iċ-ċentru ħdejn l-ibliet u jittieħdu fil-Forti Ricasoli.
L-epidemija żiedet il-ħsara tagħha fost dawk ix-xjuħ: naqraw li f’40 jum qerdet 455 minnhom, u ma waqfetx hemm. Minħabba f’hekk mhux il-bogħod mil-Forti, sewwa sew fil-post imsejjaħ Wied Għammieq, tħaffru xi ħofor fil-ħamrija u hemmhekk bdew jidfnu l-iġsma ta’ dawk l-imsejkna xjuħ. B’hekk issawret dik l-għalqa tal-mejtin, jew iċ-Ċimiterju ta’ Wied Għammieq , li fih jingħad li ndifnu 855 imniġġsin bil-kolera.
Wara li spiċċat dik l-epidemja, bdiet tikber, u tinxtered id-devozzjoni lejn l-erwieħ ta’ dawk l-imsejkna xjuħ. Maltin minn ħafna nħawi ta’ Malta ukoll f’pellegrinaġġ bdew imorru jżuru l-oqbra tagħhom, biex jitolbuhom, jew iroddulhom ħajr għal xi grazzji maqlugħin bl-interċessjoni tagħhom. Dawn iż-żjarat aktarx isiru fl-ewwel Tnejn tax-xahar.
Fl-1878, l-għadam tal-mejtin, imxerred ‘l hawn u ‘l hemm fl-għalqa, inġabar f’post wieħed u, tliet snin wara tqegħdet kolonna piramida bħala monument ta’ tifkira. Fuqha tqiegħed salib li lum ma għadux hemm iżjed, tnaqqxet xbiha tal-Madonna Addolorata fil-bażi u twaħlet skrizzjoni bil-malti. Din tgħid hekk:
Hawn għadam il-foqra li fis-sena 1837, ġewwa Ricasli nġabru u bil-kolera mietu. Dan iċ-Ċimiterju bi flus id-devoti sar fl-1881. Intom ikollhom ħniena, itolbu għas-serħan tagħhom.
IŻ-ŻEJT FIT-TANK
Iċ-Ċimiterju hu magħluq b’ ħajt u tidħol għalih minn bieb, li jingħalaq b’kanċell tal-ħadid u jġib salib fuqu. Mal-ġenb xellugi hemm loġġa, taħtha skrizzjoni bil-Latin, li tfakkar il-mejtin. Mal-lemin hemm il-kappella qadima b’tieqa għal barra. Niftakar lil ommi tixħet iż-żejt tal-flixkun minn tieqa għal ġo tank, mnejn imbagħad l-inkarigat kien jimla’ t-tazez biex jinxtelgħlu fiċ-Ċimiterju.
Bis-saħħa tad-devozzjoni lejn dawk l-erwieħ u tat-tħabrik u l-ħeġġa ta’ Mons. Carmelo Xuereb, meta kien Kappillan tal-Kalkara, fil-qiegħ taċ-Ċimiterju nbniet kappella oħra fuq id-disinn tal-Kavallier Vincenzo Bonello.
Is-Sur Nin Cremona kiteb ktejjeb fuq “L-Ospizju tal-Furjana (li semmejna fil-bidu) u l-Erwieħ ta’ Wied Għammieq” u fit-tmiem tiegħu żied sunett miktub minnu wkoll. L-aħħar żewġ terzini tiegħu huma dawn:
Intom inqridtu, u tagħkimm hemm tifkira
Fil-għalqa tal-mejtin b’ħitan magħluqa
B’ġebel li juri l-ħajja tagħkom fqira.
Illum ukoll il-kotra b’ħniena kbira
Narawha fuq qabarkom dlonk issuqha
Sat-tarf ta’ Wied Għammieq bin-nies tal-Gzira.
F’dan ix-xahar ta’ Novembru, niftakru fihom aħna ukoll lil dawk l-imsejkna mejtin ta’ Wied Għammieq, u b’hekk nuru li Alla jaf isib il-mezz kif wieħed jaħseb mhux biss għall-mejtin għonja li qatt ma naqashom xejn, iżda ukoll għal fqar li qatt ma kellhom xejn.