Nhar it-Tlieta 10 ta’ Diċembru, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara organizza l-attività annwali fl-okkażjoni ta’ Jum il-Kalkara. Filgħaxija saret parata mill-Iscouts flimkien ma’ mixja bis-sehem ta’ dinjitarji minn Misraħ Arċisqof Gonzi sa Pjazza Sagra Familja. Preżenti għal din il-mixja kien hemm is-Sindku Wayne Aquilina, l-Onor. Glenn Bedingfield, il-President tar-Reġjun Xlokk Paul Farrugia, Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara, rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera, il-Kappillan Dun Brian Gialanzè, rappreżentanti tal-għaqdiet tal-lokal, flimkien ma’ persuni oħra distinti. Fi Pjazza Sagra Familja tqegħdu fjuri u kuruni fuq il-monument tal-vittmi Kalkariżi tal-Gwerra. Il-mixja kompliet sal-Knisja tas-S.S. Salvatur fejn hemm saret quddiesa tal-okkażjoni bis-sehem ta’ talent lokali.
Segwiet is-serata tal-għoti ta’ Ġieħ il-Kalkara li saret ġewwa Villa Bighi, fejn ħadet sehem il-Banda San Ġużepp taħt it-tmexxija ta’ Mro. Jonathan Abela. Ħadu sehem ukoll diversi Kalkariżi u talent lokali. L-unur ta’ Ġieħ il-Kalkara din is-sena ġie mgħoti lil Lawrence Busuttil. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ferħet lis-Sur Busuttil ta’ dan l-unur, kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara għal din is-serata mill-aktar professjonali.