Wara li ftit inqas minn xahar ilu l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ffirmat il-kuntratt li permezz tiegħu se jsir proġett ta’ restawr ta’ ventartal irrakmat kofinanzjat minn fondi Ewropej, matul l-aħħar ġranet intgħażlet id-ditta ta’ restawraturi professjonali li ser ikunu qed jagħmlu dan ix-xogħol permezz tas-sejħa pubblika li għamlet l-istess Assoċjazzjoni. Għas-sejħa ta’ stimi AWK/GLX/001/2019 ġiet magħżula d-ditta Atelier del Restauro u x-xogħol prinċipali ser ikun qed isir mir-restawratriċi professjonali s-Sa. Valentina Lupo.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni rringrazzjat lid-ditti kollha li pparteċipaw f’din is-sejħa u b’hekk għamlu possibbli li l-applikazzjoni ta’ fondi tiġi verifikata u aċċettata.
Sadanittant, fil-ġranet li għaddew il-ventartal ittieħed fil-laboratorji tad-ditta Atelier del Restauro biex jinbeda x-xogħol preliminari. Ġie finalizzat ukoll method statement li jiddeskrivi x-xogħol metikoluż ta’ preservazzjoni u restawr li ser ikun qed isir.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ser tkun qed tinforma lill-pubbliku b’aktar żviluppi fiż-żmien li ġej. Il-proġett, f’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tal-Kalkara, mistenni jkun lest matul is-sena d-dieħla.
Dan il-proġett huwa kofinanzjat taħt il-Programm LEADER tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali (RDP) 2014 – 2020.