Nhar is-26 ta’ Diċembru 2023 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali żiedet 48 sit ġdid bħala parti mill-Inventarju Nazzjonali ta’ Malta, skont Artiklu 7(5)(a) u Artiklu 53 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445). Nilqgħu bi pjaċir li tlieta minn dawn is-siti jinsabu l-Kalkara, u dan anki wara talba speċifika li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienet għamlet f’dawn l-aħħar snin.
F’konformità mal-Artiklu 59(1) u l-Artiklu 70, ebda persuna ma għandha tagħmel xi żvilupp jew interventi fuq waħda minn dawn il-proprjetajiet, mingħajr ma l-ewwel tkun kisbet permess għalihom mingħand is-Sovrintendent, u ebda persuna ma għandha tikkaġuna danni lil waħda mill-proprjetajiet imniżżla, ukoll jekk sidha jkun il-persuna li kkaġunat il-ħsara, hekk kif dan jikkostitwixxi offiża punibbli bil-liġi.
Tista’ taċċessa l-mappa virtwali tal-inventarju nazzjonali billi tagħfas hawn.
Il-Forti Santu Rokku
Numru tal-Inventarju: 2506
Il-bini tal-Forti Santu Rokku beda fl-1872 jew 1873 mill-Imperu Ingliż bħala parti minn programm ta’ żvilupp ta’ fortifikazzjonijiet mnebbaħ mir-rapport tal-1866 tal-Kurunell Jervois. Inbena fuq l-art li fuqha fi żmien il-Franċiżi kien hemm il-batterija ta’ Santu Rokku, bejn il-Batterija tar-Rnella u l-irħajjel ta’ Santu Rokku fil-Kalkara. Bħala forti kien l-ewwel tax-xorta poligonali li nbena mill-Ingliżi f’Malta.
Fl-1888 saru xi alterazzjonijiet żgħar, filwaqt li fl-1900 inbena forti ta’ daqs ikbar minfloku. Intuża b’suċċess matul it-Tieni Gwerra Dinjija, tant li fl-1942 għerreq E-boat Taljana. Baqa’ jiffunzjona militarment sas-snin 50, filwaqt li aktar tard intuża mill-Mediterranean Film Studios.
Il-Batterija ta’ Rinella
Numru tal-Inventarju: 2525
Il-Forti Rinella fil-Kalkara flimkien mal-Forti Cambridge f’Tas-Sliema tlestew mill-Ingliżi fl-1886 sabiex iħarsu l-bażi u t-tarzna navali f’Malta. Dan kien sar wara li ż-żewġ bastimenti tal-gwerra Taljani Duilio u Dandalo ġew mgħammra b’kanuni ta’ 100 tunnellata mibnija minn Sir George William Armstrong. Il-kanun Armstrong jiżen 102-il tunnellata, għandu bokka ta’ 17.72-il pulzier u hu rrigat.
Dan kien jiġi ikkargat minn quddiem b’balla esplussiva ta’ tunnellata u skartoċċ ta’ 450 libra kull 6 minuti permezz ta’ sistema idrawlika mħaddma bil-fwar. Hu kien kapaċi jinfed 21 pulzier ta’ ħadid fondut f’distanza ta’ 3 mili. Fl-1882 l-ewwel kanun inħatt fit-Tarzna Navali u wara ttieħed fil-Bajja tar-Rnella biex tkaxkar fuq rombli permezz ta’ ħbula u bastegi miġbuda minn argni mħaddem minn 100 suldat. Il-Fortizza tlestiet fl-1886 u baqgħet tintuża’ sal-1906.
Il-Batterija Ta’ Kontra l-Ajruplani Ta’ San Pietru
Numru tal-Inventarju: 2536
Il-Batterija ta’ San Pietru hija batterija ta’ l-Artillerija Brittanika Kontra l-Ajruplani, mibnija u użata mill-Imperu Ingliż għad-difiża ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-batterija kienet armata b’erbgħa kanuni QF ta’ 4.5 pulzieri f’formazzjoni semi-ċirkolari. F’kull post fejn jitqiegħdu dawn il-kanuni kien jinkludi 3 kontenituri għall-munizzjon tal-konkrit u akkomodazzjoni jew kenn għall-ekwipaġġ taħt l-art. Xi kanuni kienu mgħammra b’tarka rqieqa tal-azzar u kienu jitqiegħdu ħdejn il-kosta biex jintużaw għar-rwol doppju; dak għal kontra l-ajruplan kif ukoll difiża kostali.
Il-Batterija tinkludi żewġ bunkers tal-konkrit li probabbilment kienu jintużaw bħala mħażen tal-munizzjon u bunker ċentrali li kien il-Control Station ewlieni tal-Batterija. Hemm ukoll razzett antik b’żewġ sulari li ġie mibdul fi blockhouse għad-difiża tal-perimetru billi fih numru ta’ bokki għall-isparar u probabbilment serva ukoll bħala post ta’ osservazzjoni. Girna fit-tarf net tal-perimetru tal-Batterija serviet bħala s-sala tal-pranzu u kappella. Il-Batterija ta’ San Pietru rat ammont ta’ attakki waqt l-Axis Air Raids fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija fejn ġarrbet ħsarat sinifikanti inkluż direct hits li kkawżaw numru ta’ fatalitajjiet u ndarbu ammont ta’ suldati u ħaddiema tal-RMA (Royal Malta Artillery) assenjati hemmhekk. Evidenza ta’ dawn it-taqbidiet għadek tista’ tarhom sal-lum peress li l-istrutturi kollha tal-batterija huma mmarkati bi shrapnel u sparar tal-kanuni.