Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2019 l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara inawgurat b’mod uffiċjali il-monument tas-Salib tal-Assedju l-Kbir fi Triq ir-Rnella, il-Kalkara. Għal din l-okkażjoni, fis-7 ta’ filgħaxija beda marċ madwar it-toroq tal-Kalkara bis-sehem ta’ banda ffurmata mill-bandisti taż-żewġ baned tal-lokal: San Ġużepp u Sagra Familja. Il-marċ beda mix-Xatt u kompla f’Misraħ Arċisqof Gonzi għal Triq ir-Rnella biswit il-monument tas-salib. Għall-ħabta tat-8 ta’ filgħaxija bdiet serata kommemorattiva fil-pjazzetta fejn jinsab l-istess salib. Din is-serata bdiet bid-daqq tal-innu tal-lokal ‘Ġieh il-Kalkara’ u wara introduzzjoni storika mis-Segretarju tal-Assoċjazzjoni l-Kav. Duncan Brincat, sar diskors ta’ merħba u ringrazzjament mill-President tal-Assoċjazzjoni s-Sur Ivan Cauchi. Il-poeta Omar Seguna qara l-poeżija ‘Is-Salib tal-Kalkara’ miktuba mill-istoriku Guido Lanfranco u ppubblikata diversi snin ilu bħala parti minn ktejjeb dwar il-leġġendi Maltin.
Sar ukoll diskors tal-okkażjoni mis-Sindku s-Sur Wayne Aquilina li faħħar l-inizjattivi qed tieħu l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara u wiegħed l-impenn tal-Kunsill Lokali f’dan ir-rigward. Segwa diskors mid-Deputat Parlamentari l-Onor. Glenn Bedingfield li saħaq dwar il-ħtieġa ta’ għaqdiet bħall-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara anki fl-inħawi tal-madwar u kif il-ħidma fiż-żona tal-Kottonera qed tiżviluppa.
Wara dan, diversi tfal Kalkariżi, taħt it-tmexxija tal-kantanta Amber Bondin u bl-għajnuna ta’ Trudy Vella, ħadu sehem f’re-enactment li rrapreżenta l-ġrajja tal-leġġenda tas-salib. Il-monument tas-salib tal-Assedju l-Kbir ġie inawgurat mill-Onor. Glenn Bedingfield, fil-preżenza tal-President tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara s-Sur Ivan Cauchi, u tbierek minn Patri Deo Debono OSA. Is-serata ntemmet bid-daqq tal-Innu Malti u wara riċeviment tal-okkażjoni fl-istess żona.
Ritratti ta’ Susanna Deguara – xeni differenti mis-serata tal-inawgurazzjoni tas-Salib tal-Assedju
Il-bini mill-ġdid ta’ dan il-monument għandu storja qadima: meta l-Ottomani ħabtu għall-gżejjer Maltin fl-1565, sabu kenn fuq l-għolja tas-Salvatur fil-Kalkara mnejn kienu jattakkaw lill-Kavallieri u l-Maltin fil-Birgu. Din il-ġrajja hija magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Sabiex ma sserviex ta’ tarka għall-għadu, il-Gran Mastru La Valette ordna biex titwaqqa’ l-knisja l-qadima tas-S.S. Salvatur f’dawn l-inħawi. Leġġenda popolari tgħid li fi tmiem l-Assedju l-Kbir, waqt li l-Ottomani kienu qed jaħarbu lura, il-Kavallieri u l-Maltin rħewlha lejn l-għolja tas-Salvatur fil-Kalkara. Il-Gran Mastru jew il-Kmandant qabad ix-xabla tiegħu u deffisha fl-art, biex b’hekk ħadet forma ta’ salib. Dawk kollha preżenti niżlu għarkubbtejhom jirringrazzjaw lil Alla li dik l-art reġgħet ġiet f’idejn l-Insara. Aktar tard maż-żmien inbena salib biex ifakkar din il-ġrajja, li sfortunatament inqered diversi snin ilu.
Il-Kumitat tar-Rijabilitazzjoni għall-Kottonera ħa hsieb il-finanzjament tas-salib.
Għal iżjed tagħrif dwar dan il-proġett agħfas hawn.