Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-Parroċċa tal-Kalkara kienet l-unika waħda f’pajjiżna li tilfet għal kollox il-vara titulari tagħha dakinhar li ġiet imġarrfa totalment il-Knisja Parrokjali preċedenti nhar l-10 ta’ April 1942. Ftit snin wara din il-ġrajja traġika, Ġużeppa Vella uriet ix-xewqa li tħallas vara ġdida ta’ San Ġużepp bħala wegħda li kienet għamlet fil-gwerra. Il-Kappillan Mons. Carmelo Xuereb għarraf lill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi b’din ix-xewqa u ddeċieda li hu jieħu ħsieb l-ordni ta’ din l-istatwa. Huwa nkariga lill-Kavallier Vincenzo Bonello, kuratur tal-Mużew tal-Arti tal-Belt, biex joħloq disinn ta’ vara devozzjonali b’simboliżmu meqjus. Id-disinn ġie approvat mill-Kummissjoni Pontifiċja tal-Arti Sagra fil-Vatikan u din il-vara ġiet minquxa fl-injam ġewwa r-raħal ta’ Ortisei fil-provinċja ta’ Bolzano fl-Italja, mill-iskultur Ferdinando Stuflesser.
Il-vara l-ġdida ta’ San Ġużepp waslet Malta f’Diċembru 1948 u ġiet merfugħa fil-Kunvent tat-Tereżjani f’Bormla. 75 sena ilu, nhar it-13 ta’ Marzu 1949, il-vara twasslet trijonfalment permezz ta’ pellegrinaġġ minn Bormla sal-Kalkara. F’din l-istatwa San Ġużepp jidher bil-Bambin ma’ ġenbu qed iserraħ idu fuq spalltu, filwaqt li fl-id l-oħra qed iżomm simbolu tal-Vatikan magħfus ma’ qalbu, rifless tad-dikjarazzjoni li huwa Patrun tal-Knisja universali. Maż-żmien saret l-induratura, bankun u bradella, u anki mant biex jitqiegħed taħtu. Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi ħalla b’wirt lil din il-vara s-salib pettorali tiegħu.
Il-preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet li kellhom jilħqu l-qofol tagħhom matul is-sena 2024 fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-wasla tal vara titulari ta’ San Ġużepp fil-Kalkara bdew fl-2021 meta l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara talbet formalment lill-Kappillan Dun Brian Gialanzè biex tieħu taħt idejha l-aspett loġistiku u finanzjarju tal-proġett ta’ restawr u l-induratura mill-ġdid tal-pedestall tal-vara titulari ta’ San Ġużepp. Eżattament wara l-festa tal-2021, ftit wara li nħareġ id-digriet mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, beda jitwettaq uffiċjalment il-proġett. Il-pedestall ittieħed Għawdex sabiex tibda’ l-ħidma professjonali meħtieġa mill-induraturi Mario, Ruben u Austin Camilleri Cauchi flimkien mal-artisti Michael u Adonai Camilleri Cauchi li ħadmu ukoll fuq il-karnaġġjon tal-uċuh. Il-kumpanija Ciantar Woodworks bl-għajnuna tal-artist Michael Camilleri Cauchi ħadmet fuq l-iskultura tal-mazzettuni tal-injam. Biex tfondi dan il-proġett, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara waqqfet skema għal ġbir ta’ fondi mingħand id-devoti u l-parruċċani Kalkariżi filwaqt li l-Bank APS ta’ donazzjoni lill-Parroċċa għal dan il-proġett. Sena wara, nhar it-Tnejn 11 ta’ Lulju 2022 waqt il-Quddiesa ta’ ħruġ minn niċċa, ġie inawgurat u mbierek il-pedestall restawrat.
It-tieni fażi tal-proġett inbeda eżattament l-għada ta’ din l-inawgurazzjoni. Wara li l-artist Adonai Camilleri Cauchi lesta u ppreżenta d-disinji ferm mirquma tal-induratura l-ġdida ta’ San Ġużepp, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara talbet formalment għal darb’oħra lill-Kappillan biex tieħu ħsieb din id-darba r-restawr u l-induratura ġdida għal din il-vara. Waqt li x-xogħol ta’ preparamenti tawwal sena sħiħa, l-Assoċjazzjoni nehdiet it-tieni skema għal ġbir ta’ fondi. Wara l-festa tal-2023, ftit wara li nħareġ id-digriet mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, b’entużjażmu kbir, delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara flimkien mal-voluntiera tal-Parroċċa, trasportaw il-vara titulari ta’ San Ġużepp lejn il-gżira Għawdxija fejn beda l-intervent ta’ restawr, rinovazzjoni u induratura ġdida fuq din l-istatwa. Il-ħidma fuq l-induratura u rinovazzjoni saru mil-artisti Ruben, Austin, Mario, Michael u Adonai Camilleri Cauchi filwaq li r-restawr sar mir-restawratriċi Semira Bugeja. Il-ġilju flimkien mal-bastun tal-fidda, kif ukoll is-sandlijiet tal-fidda taż-żewġ statwi ġew restawrati b’mod estensiv mid-ditta Gold Lady Jewellery, fejn is-sandlijiet ġew ukoll ibbanjati bid-deheb. Matul din is-sena l-Assoċjazzjoni għat-tielet darba reġgħet kompliet skema oħra għall-ġbir ta’ fondi biex tkun tista’ tiffinanzja l-proġett kollu. Saret ħidma kbira ta’ koordinament loġistiku bejn il-Kappillan Dun Brian Gialanzè flimkien mal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tul il-proċes kollu. Imbagħad, nhar il-Ħadd 14 ta’ Lulju, fost emozzjonijiet kbar qalb il-Kalkariżi, ġie inawgurat il-proġett komplut tal-vara titulari ta’ San Ġużepp.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ nhar il-Ħadd 14 ta’ Lulju, ikkordinata mill-Parroċċa tal-Kalkara u l-Kappillan Dun Nicholas Pace, leħqet il-qofol tagħha fil-5.30 ta’ filgħaxija meta l-vara restawrata u indurata mill-ġdid ta’ San Ġużepp qasmet il-Port il-Kbir ta’ Malta permezz ta’ traġitt minn fuq il-baħar mill-Marsa sal-Kalkara. Ġiet akkumpanjata mid-dgħajjes tar-regatta tal-Kalkara, kif ukoll numru ta’ opri tal-baħar. Kif il-vara waslet fuq ix-xefaq tal-peniżola ta’ Sant’ Anġlu ndaqqet il-qanpiena tal-istess forti, beda jinħaraq salut u logħob tan-nar ieħor, filwaqt li kif l-istatwa niżlet fuq il-moll tal-Kalkara, laqgħuha ż-żewġ baned Kalkariżi, il-Banda San Ġużepp u l-Banda Sagra Familja, li permezz ta’ marċ max-xatt, wasslu lura lill-vara titulari ta’ San Ġużepp sal-Knisja Parrokkjali fejn indaqqet l-antifona u l-innu popolari.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tixtieq trodd ħajr lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu tul dan il-proċess sħiħ li dam tliet snin, sabiex fl-aħħar sar proġett komplut. Ħajr b’mod speċjali lill-Kappillan preċedenti Dun Brian Gialanzè, lill-artisti kollha li ħadmu fuq dan il-proġett u lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom biex l-ispejjeż kollha ġew finanzjati b’mod komplut.