Fil-kappellun tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara nsibu pittura li turi lill-Madonna ta’ Pompei. Din il-pittura saret fl-1896 mill-pittur rinomat Giuseppe Calì. L-artal tal-knisja preċedenti, li kien maħdum mill-marmista Taljan Mariano Russo, flimkien ma’ din il-pittura, ġew ffinanzjati mill-benefattur Antonio Bezzina.
Fortunatament din il-pittura ġiet salvata mill-qerda tat-Tieni Gwerra Dinjija wara li ttieħdet Għawdex flimkien mal-pitturi l-oħra fuq struzzjonijiet tal-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi. Ma’ dan l-artal hija assoċjata l-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju, li ġiet amalgamata mal-fratellanzi l-oħra sa mit-twaqqif tagħha fl-1898 bħala l-Fratellanza ta’ San Ġużepp.
Matul is-snin, id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju kibret b’mod sinifikanti, u d-devoti kienu jixgħelu ammont sostanzjali ta’ xemgħat quddiem din il-pittura. Għalkemm il-pittura ġiet restawrata fil-passat, din ġarbet xi ħsara fit-tila, u l-verniċ fuq iż-żebgħa skura ferm, tant li l-pittura ddalmet b’mod konsiderevoli.
Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara nediet proġett ġdid ta’ restawr ta’ din il-pittura. Grazzi għall-għajnuna tal-voluntiera li jaħdmu fil-Knisja, il-pittura tniżżlet minn postha u ġiet trasferita lejn il-bottega ta’ Atelier Del Restauro, fejn taħt is-superviżjoni tar-restawratriċi Valentina Lupo, sar ix-xogħol meħtieġ ta’ restawr.
Ix-xogħol kollu sar b’attenzjoni u professjonalità kbira fil-bottega ta’ Atelier del Restauro Ltd. Il-proċess ta’ restawr inkluda t-tindif bir-reqqa tal-wiċċ tal-pittura sabiex jitneħħew it-trab u l-ħmieġ li kienu akkumulaw matul is-snin. Sar ukoll il-konsolidament tas-saffi kollha fejn kien meħtieġ, bil-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà strutturali tal-pittura.
Barra minn hekk, twettqu t-tiswijiet u l-irqajja neċessarji biex jerġgħu jiġu rrestawrati partijiet li kienu fi stat ħażin ħafna, filwaqt li tneħħew saffi ta’ verniċ qodma li kienu qed idallmu l-kuluri oriġinali. It-tila tal-pittura ġiet rilinjata sabiex tiġi evitata aktar ħsara. Fl-aħħar stadju, sar l-irtokk meħtieġ biex jiġu rkuprati l-kuluri oriġinali u rrestawrata l-estetika ġenerali tal-pittura u sar it-tindif tal-gwarniċ tal-injam indurat bid-deheb.
Wara dan ir-restawr meħtieġ, il-pittura tal-Madonna ta’ Pompeii ġiet irritornata lura fil-kappellun tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. Bl-għajnuna tal-voluntiera tal-Parroċċa u membri mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, din il-pittura reġgħet twaħħlet lura b’mod sigur fil-post oriġinali tagħha.
Dan ir-restawr sar mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa San Ġużepp tal-Kalkara.





