Nhar it-Tlieta 13 ta’ Novembru rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kellha laqgħa mal-Onor. Glenn Bedingfield fejn matulha ġew preżentati b’mod uffiċjali l-proposti minn naħa tal-Assoċjazzjoni fir-rigward tal-Istrateġija għall-Kottonera.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara innotat b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument ta’ konsultazzjoni maħruġ mill-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera. L-Assoċjazzjoni uriet ukoll l-apprezzament tagħha li din l-istrateġija proposta mhux biss tinkludi fiha t-tliet ibliet li storikament jiffurmaw il-Kottonera, iżda ukoll lir-raħal tal-Kalkara.
Fid-dokument li ppreżentat l-Assoċjazzjoni qed isiru diversi proposti, kemm infrastrutturali u anki soċjali li primarjament għandhom x’jaqsmu mal-Kalkara, iżda li intrinsikament bħala rakkommandazzjonijiet għandhom iħallu rippling-effect pożittiv fuq il-lokalitajiet l-oħra kollha. Hija fakkret li l-Kalkara hija l-ikbar żona u l-iktar waħda mifruxa mill-inħawi kollha, filwaqt li hija l-aktar waħda li għadha tgawdi żoni rurali u mhux żviluppati. Il-Kumitat jemmen li bi pjan konkret, il-Kalkara kapaċi tissebbaħ u tingħata aktar ħajja, filwaqt li ma titlifx l-identità tagħha bħala raħal kwiet bi tradizzjoni rikka.
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni reġgħet saħqet fuq il-bżonn imminenti li jsiru x-xogħlijiet ta’ restawr ta’ emerġenza fuq il-Forti Ricasoli għaliex sforz l-elementi naturali speċjalment dawk li jaħkmuh fix-xitwa, qed tkompli ssir ħsara rreparabbli li sfortunatament ser twassal biex nitilfu dan il-wirt storiku għal dejjem.
Minn naħa tiegħu, l-Onor. Glenn Bedingfield, Koordinatur tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera rringrazzja lill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara għall-proposti tagħha li ser jiġu diskussi flimkien ma’ diversi proposti oħra li ġew mibgħutha matul din il-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika. Huwa rrimarka ukoll li jinsab impenjat jagħti widen għall-karba tal-istess Assoċjazzjoni dwar il-Forti Ricasoli.
Għal din il-laqgħa minn naħa tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienu preżenti l-President Ivan Cauchi, is-Segretarju Duncan Brincat, it-Teżoriera Josette Deguara u l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Etienne Camilleri.
bi pjan konkret, il-Kalkara kapaċi tissebbaħ u tingħata aktar ħajja, filwaqt li ma titlifx l-identità tagħha bħala raħal kwiet bi tradizzjoni rikka.
Could we have an English translation please.
Hi David, I’ll do the translation this weekend.