Il-Proġett tal-Ventartal

maltese english

Il-ħidma fuq il-proġett tal-Ventartal fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara li ħadet ħsieb li twettaq l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, kienet maqsuma f’żewġ fażijiet li saru flimkien. Il-ħidma fuqu kienet ilha għaddejja għal dawn l-aħħar erba’ snin, għalkemm ix-xewqa għalih u anki xi ħidma oħra seħħet fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, issa nistgħu ngħidu li dan il-proġett huwa finalment komplut.

L-ewwel fażi kienet dik tar-restawr ta’ palla rrakmata li fl-imgħoddi kienet isservi bħala ċ-ċentru tal-ventartal artistiku tal-artal maġġur tal-Knisja Parrokkjali preċedenti u li sfortunatament inqered matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Din il-palla artistika ġiet ordnata mill-ewwel Kappillan Dun Ġużepp Cianguara u saret mid-ditta Taljana Alessandro de Signi fl-1898 u bħala l-figura ċentrali nsibu l-ħaruf, simbolu tal-Ewkaristija mqaddsa, u għalhekk bħala ventartal kellu l-għan li jintuża mhux biss għall-festa titulari ta’ San Ġużepp, iżda ukoll fil-festi tal-Ewkaristija. Il-ħidma ta’ restawr u tindif professjonali fuq din il-palla ġiet mitmuma matul is-sena 2021 u saret mid-ditta Atelier del Restauro wara sejħa pubblika. Il-proġett kien immexxi minn Dr. Maria Grazia Zenzani u s-Sinjura Valentina Lupo u sar bl-għajnuna finanzjarja tal-Programm LEADER tal-Unjoni Ewropeja u tal-NGO Co-Financing Fund fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. Bħala parti mill-istess proġett ħarġet pubblikazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż li sservi ta’ dokumentazzjoni dwar l-istess restawr kif ukoll sfond storiku tal-ventartal. Tista’ tara l-pubblikazzjoni f’format diġitali billi tikklikkja hawn.

palla

It-tieni fażi żvolġiet madwar il-gwarniċ artistiku skulturat tal-injam li jdawwar il-palla tar-rakkmu. Id-disinn ta’ din l-opra sar mill-mibki Salvu Bugeja lura fis-sena 1995 li bbaża l-ħsieb tiegħu fuq dak oriġinali li kien inqered bil-gwerra. Il-proġett matul dawn l-aħħar erba’ snin kien jikkonsisti fil-ħidma tal-bażi tal-injam li saret mill-mastrudaxxi l-aħwa Cassar ta’ Cherry Homes Limited ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-grandiment tad-disinn oriġinali li sar mill-iskultur Mario Mangion ta’ Ħal Qormi li mbagħad ħadem bl-akbar reqqa u dettall l-iskultura kollha ta’ din l-opra, kif ukoll l-induratura tiegħu saret mill-induratur Arthur Vassallo tar-Rabat.

Sadanittant, l-Assoċjazzjoni tixtieq pubblikament trodd ħajr lil dawk il-mijiet ta’ persuni li matul dawn l-aħħar snin taw id-donazzjoni tagħhom fil-ġbir li sar, kif ukoll lil dawk li taw xi donazzjoni fis-snin passati. Is-somma meħtieġa għal dan il-proġett kbir inġabret kollha u kollox ġie mħallas.

Matul il-Quddiesa Solenni li saret fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara nhar it-Tnejn 12 ta’ Lulju 2021, liema quddiesa mmarkat il-ftuħ tal-festa solenni ta’ San Ġużepp ta’ dik is-sena, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara inawgurat dan il-proġett kbir anke jekk sa dak iż-żmien sfortunatament l-induratura ma kienetx għada lesta kollha. Filwaqt li nhar it-Tnejn 11 ta’ Lulju 2022 waqt il-Quddiesa ta’ ħruġ minn niċċa tal-Vara Titulari ta’ San Ġużepp tal-Kalkara, ġie uffiċjalment mikxuf u inawgurat, kif ukoll imbierek mill-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fiż-żjara li għamel wara l-quddiesa.