Data tal-Proġett: 15 ta’ Lulju 2021
Permezz ta’ fondi miksuba mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund tal-Fondazzjoni Kottonera sar restawr intensiv fuq tliet opri tal-irħam li jinsabu fil-Knisja Parrokkjali. Dawn huma: il-battisteru tal-magħmudija xogħol il-marmista Mariano Russo u li kien imqiegħed fil-Knisja l-antika fl-1898, il-fonti tal-ilma mbierek li bħall-battisteru jinsab fl-entratura tal-Knisja, u l-artal maġġur xogħol il-marmista Armando Battelli fl-1953 li kien irregalat mis-Sinjuri Mintoff għall-Knisja preżenti.
Fit-23 ta’ Awwissu 1884 Fortunato Gulia talab biex joffri biċċa art li fuqha tista’ tinbena knisja ġdida fil-Kalkara. Din it-talba ġiet approvata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Kan. Dun Ġużepp Azzopardi, flimkien ma’ kumitat mwaqqaf apposta, ġew delegati biex iwettqu dan il-proġett. Id-disinn tal-knisja, f’forma ta’ salib Latin, sar mill-perit Guglielmo Attard. L-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali preċedenti tqegħdet nhar it-22 ta’ Ġunju 1890, u filwaqt li din ġiet imbierka nhar it-8 ta’ Jannar 1898, ix-xogħolijiet maġġuri tal-irħam fiha kollha kienu saru matul is-sena ta’ qabel, propju s-sena li fiha nhar l-10 ta’ Diċembru l-Kalkara saret parroċċa awtonoma bl-ewwel Kappillan ikun Dun Ġużepp Ciangura. Sfortunatament l-opri kollha ta’ din il-knisja intilfu, għajr il-battisteru li ġie salvat mill-qerda tal-gwerra. Fuqu għadhom jidhru sal-lum il-ġurnata ħsarat li seħħew bi splinters ta’ bombi tal-għadu.
Dakinhar tal-10 ta’ April 1942, il-jum meta ġġarfet kompletament il-Knisja Parrokkjali preċedenti, kienet ġurnata traġika. Biss din il-ġrajja ma tappnitx il-kuraġġ tal-poplu tal-Kalkara, li nhar it-13 ta’ Ottubru 1946 qiegħed l-ewwel ġebla ta’ din il-knisja preżenti. Din ġiet imbierka nhar is-7 ta’ Settembru 1952 u fiha tqegħdu l-battisteru salvat mill-gwerra u l-fonti tal-ilma mbierek xogħol tal-marmista Mariano Russo. Iżjed tard sar l-artal maġġur.
Il-fonti tal-irħam tal-magħmudija huwa maħsub li kellu għatu skulturat fl-injam, iżda nqered mill-attakk tal-għadu. Diversi toqob baxxi huma viżibbli kważi ugwalment spazjati minn xulxin fuq ix-xifer ta’ fuq tal-‘lavabo’. Dawn setgħu kienu t-toqob fejn fuqhom kien iserraħ l-għatu ta’ fuq tal-injam kif jinstabu eżempji oħra fuq fonti simili.
Il-fonti tal-magħmudija huwa magħmul minn irħam Carrara kulur abjad/griż u huwa minqux b’mod kumpless u delikat. Bħala forma, jidher li huwa kubiku, b’sezzjoni trasversali f’forma ottagonali. Il-ġnub ottagonali mhumiex twal indaqs u l-ġnub il-qosra tal-fonti huma mgħawġa ‘l ġewwa.
Ir-ritratt ta’ fuq ix-xellug huwa eżempju ta’ għatu tal-injam simili bħal dak li kien jintuża fuq il-fonti tal-Kalkara li jinsab fil-Kattidral tal-Imdina.
It-tarf ta’ fuq tal-fonti kif ukoll it-tarf idjaq ta’ fuq tal-pedestall huma minquxa b’xifer dritt u fit-tond. Il-parti ta’ fuq tal-fonti tal-magħmudija kienet mgħottija b’għatu tal-injam, possibilment f’forma ta’ piramida (skulturata), simili għal dawk fi knejjes oħra.
Fuq il-panew ta’ quddiem tal-pilastru ċentrali tal-fonti tal-magħmudija hemm miktub bi skrizzjoni li tgħid hekk: ‘EX MUNIFICENTIA/ 1 PP. CAN. CANT. MERCIECA/ PROTRII APOSTOLICI/ AS INSTAR PARTIUM VICARII GENERALIS /ANNO DPI 1898’.
Il-fonti tal-ilma mbierek li jinsab fl-entratura huwa magħmul minn irħam differenti ikkulurit u skulturat. Fil-bażi, wieħed jista’ josserva pedestall tal-irħam iswed b’sezzjoni trasversali ottagonali u bix-xifer ta’ fuq iddekorat fit-tond. Il-kolonna hija ottagonali u miksija bl-irħam Carrara abjad, kull wiċċ huwa mżejjen b’ċangatura ta’ rħam aħdar bit-truf jispiċċa fix-xejn. Fuq il-kolonna wieħed jista’ josserva pedestall ieħor tal-irħam fit-tond (oranġjo fl-isfar), u fuqu jserrah il-fonti wiesa’ tal-irħam roża fil-beige. Mgħolli l-fuq fuq pedestall tond fin-nofs, hemm mqiegħed anġlu bil-ġwienaħ. L-anġlu għandu xagħar twil nokkli u ġwienaħ kbar. L-idejn qed imissu flimkien marbutin fit-talb fuq qalb l-anġlu.
Iż-żewġ fonti tal-irħam huma mgħamula minn blokki varji tal-irħam. Il-fonti tal-magħmudija huwa mgħamul minn irħam Carrara griż fl-abjad filwaqt li l-fonti tal-ilma mbierek fl-entratura tal-knisja huwa mgħamul minn diversi irħam ikkulurit. Il-finitura tal-wiċċ, taż-żewġ fonti, hija lixxa ħafna. Dawn l-elementi varji li jikkomponu dawn il-fonti ġew maqtugħin minn blokok tal-irħam minn barriera fejn imbagħad ġew irfinuti aktar bl-użu ta inġenji tal-idejn, kif ukoll skarpell u martell. L-uċuħ huma ġeneralment irfinuti aktar u llustrati. L-iskrizzjoni fuq il-fonti tal-magħmudija tnaqxet fil-wiċċ tal-irħama u miżbugħa b’żebgħa sewda. Il-libsa tal-anġlu li jinsab fuq il-fonti tal-ilma mbierek huwa skolpit b’tali mod sabiex jidher li huwa ħafif u mingħajr piż. Il-marki tal-għodda għadhom viżibbli, speċjalment fuq wara tal-fonti tal-magħmudija (dan jindika li probabbilment kien imdaħħal ġo niċċa tal-ġebel fil-post oriġinali tiegħu fil-knisja l-antika). Iż-żewġ fonti tal-irħam jidhru jleqqu, li jista’ jkun għax ġew irfinuti ħafna kif ukoll bl-applikazzjoni ta’ finitura tax-xema’.
Iż-żewġ fonti jidher li kellhom depożitu kbir ta’ trab u ħmieġ fuq il-wiċċ tagħhom. Il-wiċċ tal-irħam skura biż-żmien minħabba dan il-ħmieġ, b’possibilment b’iżjed applikazzjoni ta’ xema’ u anke minħabba xi nies li jmissu miegħu. It-trab kien jinstab l-iżjed fuq l-iktar żoni ċatti fejn jista’ jakkumula iktar faċi. Dan flimkien max-xema’ u l-umdità jingħaqdu u jiffurmaw dehra skura fuq il-wiċċ li jfixkel il-patina oriġinali tal-fonti.
Nugrufun fuq il-fonti huwa viżibli ukoll possibilment minħabba d-duħħan tax-xemgħa. Il-parti ta’ wara tal-fonti jidhru iżjed maħmuġa mill-parti ta’ quddiem. Minbarra t-trab u l-ħmieġ fuq l-uċuħ, hemm partijiet iżjed skuri f’żoni fejn it-tqatiegħ huwa iżjed fond.
Hemm xaqq u diversi grif ieħor fuq dawn il-fonti, possibilment ikkawżati mill-qerda tal-Knisja Parrokkjali l-antika matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-fonti tal-magħmudija kellu żoni mdaqqsa li kienu mtajra jew imkissra, possibilment minħabba biċċiet tax-shrapnel li laqtuh fil-gwerra. Ħafna minn dawn id-daqqiet jidhru li ġew irtokkati fil-passat b’materjal aħrax bajdani (possibilment siment abjad). Minħabba li huma ħafna aktar ħarxa mill-irħam oriġinali, dawn iż-żoni jżommu ħafna iktar trab, u jidhru pjuttost iżjed maħmuġa.
Il-fonti tal-ilma mbierek kellu qoxra ħoxna tal-melħ, din ġiet peress li fih jitqiegħed l-ilma mbierek.
L-anġlu jidher li ttiekel f’diversi żoni, possibbilment ikkawżati mid-depożizzjoni ta’ melħ li jispiċċa fil-pori tiegħu. Iċ-ċikli fejn jixxarrab u jerġa jinxef jikkawża kristallizzazzjoni, dawn iċ-ċikli ta’ melħ jaqsmu l-pori u joħolqu trab u erożjoni.
Il-pedestall il-qasir tal-irħam aħmar, ittiklulu l-vini naturali tiegħu fejn spiċċa qasam f’diversi bnadi fuq wara tiegħu.
Intervent Imwettaq
Ix-xogħol kien jinvolvi prinċipalment it-tindif, it-trattament u l-preżervazzjoni tal-fonti fl-etika tal-konservazzjoni bl-inqas intervent possibli. It-tindif beda mit-tindif superfiċjali tad-depożiti tal-wiċċ. Wara dan it-tindif tneħħew saffi protettivi li saru fl-imgħoddi. Dawn is-saffi qdiemu u ma baqgħux jaqdu l-funzjoni tagħhom. It-tindif ta’ dawn il-fonti minn depożiti maqbuda ġo jew taħt dawn is-saffi sar, u kien hemm ukoll tentattiv biex jitnaqqas l-ammont ta’ tbajja fuq il-wiċċ tal-irħam. Ħafna minn dawn it-tbajja tneħħew, madankollu xi tebgħa leħqu niżlu fil-fond tal-pori tal-irħam u huwa mpossibbli li jitneħħa kompletament.
- Dokumentazzjoni – Dokumentazzjoni ta’ kitba u fotografika.
- Saru testijiet ta’ tindif bl-użu ta’ metodi mekkaniċi. (u metodi kimiċi) biex jiġi stabbilit l-iktar metodu effiċjenti iżda l-inqas invażiv.
- L-uċuħ ta’ fuq tal-irħam ġew imnaddfa u materjal ta’ interventi passati tneħħa, filwaqt li ġiet rispettata l-patina tal-irħam li ġiet iffurmata b’mod naturali matul iż-żmien. Xi rikostruzzjonijiet li kienu saru fuq il-fonti tal-magħmudija tħallew, għax kien ikun iktar ta’ ħsara jekk jitneħħew. Il-biċċa l-kbira tad-depożiti ħoxnin fuq il-wiċċ tneħħew bi xfafar apposta. Aktar tindif sar bil-kimika, permezz ta’ applikazzjoni ta’ kataplasma.
- Il-qoxra ta’ melħ u ħmieġ fiż-żewġ fonti tneħħiet permezz ta’ tindif manwali u mekkaniku bi xfafar apposta u b’tindif kimiku biex jgħin irattab din l-istess qoxra.
- Ix-xquq li kien hemm imtlew b’taħlita ta’ kisi apposta.
- Fejn kien possibbli, karatteristiċi prinċipali li ntlifu ġew rikostruwiti, bl-użu ta’ materjali ta’ konservazzjoni.
- Parti min elementi li jinsabu fuq ix-xifer ta’ fuq il-fonti tal-Magħmudija, ġew maqtugħa u mibdula min marmista professjonali.
- Uċuħ oħra li ntilfu reġgħu ġew maħduma b’taħlita ta’ kisi apposta u applikat gradwalment f’saffi fuq dak li kien imkisser jew immermer (fejn approvat mill-konservatur-restawratur).
- Il-fonti tal-irħam aħmar tal-ilma mbierek ġie ikkonsolidat u ingħata saff protettiv qabel ma mtlew partijiet kbar neqsin li kellu b’taħlita kkulurita apposta.
- Sar ukoll tindif tal-iskrizzjoni ta’ fuq l-irħam fil-fonti tal-magħmudija u l-ittri nieqsa reġgħu ġew miżbugħa mil-ġdid.
- Sar ir-rapport finali.
Nhar il-Ħamis 15 ta’ Lulju 2021, it-tieni jum tat-tridu tal-festa titulari ta’ San Ġużepp, wara l-quddiesa tas-18:00 fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp, il-Kalkara saret l-inawgurazzjoni tal-proġett ta’ restawr fuq l-opri tal-irħam. Inawgura l-proġett l-Onor. Glenn Bedingfield Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera. Dan il-proġett twettaq mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, bil-koperazzjoni tal-Parroċċa tal-Kalkara u permezz ta’ fondi mill-Cottonera Projects & Initiatives Fund tal-Fondazzjoni Kottonera.