L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tinnota b’sodisfazzjon l-interventi li saru mid-Deputat Parlamentari l-Onor. Glenn Bedingfield dwar il-Forti Salvatur u anki dwar l-inkonvenjent permanenti li jinsab fil-Bajja tar-Rnella.
L-Assoċjazzjoni esprimiet ruħha diversi drabi dwar il-Forti Salvatur u l-użu li qed isir preżentement minnu. Nemmnu bis-sħiħ li wirt storiku ta’ dan it-tip għandu jiġi riġenerat u jintuża b’risq il-komunità kollha tal-madwar b’aspett storiku-turistiku.
Minn naħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni tkellmet ukoll diversi drabi dwar il-ħtieġa li anki l-Forti Ricasoli jintuża b’mod adegwat, u dan anki biex titnaqqas l-inkonvenjenza lir-residenti Kalkariżi.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara toffri s-solidarjetà tagħha lir-residenti kollha tal-Kalkara minħabba l-irwejjaħ xejn sbieħ li joħorġu minn impjant li jinsab mal-forti fil-bajja tar-Rnella. Nemmnu li għandha tittieħed azzjoni immedjata u drastika.