Matul il-kosta taħt dak li kien l-isptar Bighi, insibu bħal kmamar żgħar iżda tawwalin bis-saqaf fit-tond. Preżentement hemm b’kollox erba’ banjijiet minn sitta li jinsabu fi stat ta’ telqa u l-maġġoranza tagħhom ikkundannati.
Ritratt minn fuq is-sur ta’ Bighi tal-banjijiet li kienu jintużaw milll-uffiċjali tat-tarzna
Ftit huma dawk in-nies li jafu għaliex servew u b’liema sistema dawn kienu jiġu mħaddma. Mill-pjanta datata 22 ta’ Mejju 1876 ninnutaw li dawn il-binjiet inbnew speċifikament u unikament għal persuni differenti: l-uffiċjali tat-tarzna, għall-użu tal-isptar u anke individwi oħra li jaħdmu mas-servizzi Ingliżi. L-iskop prinċipali tagħhom kien dak assoċjat mal-fejqan u s-saħħa, speċjalment għaliex f’dak iż-żmien kienu ġew skoperti l-benefiċċji li għandu l-ilma mielaħ fuq il-ġisem tal-bniedem, il-feriti u anki kundizzjonijiet oħra.
Fil-pjanta ninnutaw kif dawn kienu kmamar imħaffra ġol-art, mibnija u mkaħħla b’taħlita msejjħa ‘pozzolana mortar’ li hija taħlita ta’ materjal siliċiku u allumi li jirreaġixxi bl-idrossidu tal-kalċju fil-preżenza ta’ ilma f’temperatura normali msejjħa reazzjoni purċillana. B’din ir-reazzjoni t-taħlita ma tinħalx u tgħaqad bħal siment.
Il-bini tal-ħitan sar mill-istess ġebel li nqata’ mill-iskavar tat-toqob innifishom u anke tal-passaġġi tad-drenaġġ. Dawn ġew imħaffra fil-blat stess u nħolqu passaġġi li jieħduk għall-baħar. Infatti dawn huma evidenti u tista’ tarahom sal-lum il-ġurnata minn taħt il-baħar.
Tajjeb li wieħed jinnota li fuq il-pjanta ġie stabilit li l-ebda injam ma jista’ jiġi użat għall-bini ta’ dawn il-banjijiet. Fuq ġewwa mal-bieb ġie skavat fil-blat taraġ biex ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu minn ġo fihom waqt li jimtlew bl-ilma. Illum il-ġurnata l-art ta’ dawn il-banjijiet ġiet mirduma u tgħattiet bil-konkos.
Il-kamra tal-pompi (Pumping House) li tinsab biswit il-banjijiet kienet tintuża biex idawwar l-ilma minn dawn il-banjijiet. Sfortunatament din iġġarrfet u fadal biss minnha xi ħitan li fihom hemm tieqa tonda u xi kanen.
Dawn il-banjijiet huma skedati biex jiġu restawrati mal-proġett komplut ta’ dak li kien l-isptar Bighi fejn illum qed jiġi użat minn Esplora. Nittamaw li dan il-proċess narawh fis-seħħ fiż-żmien li ġej.
Il-pjanta tal-banjijiet u l-mod ta’ kif għandhom jinbnew, datata 22 ta’ Mejju 1876