Kitba ta’ Giovanni Navarro
F’opportunità li darba kelli biex inżur Hythe Town Hall ġewwa Kent, għall-ħabta ta’ nofsinhar, fil-kamra prinċipali, pjuttost moħbi, kien hemm ritratt żgħir ta’ vapur navali. Ovvjament mort biex nispezzjonah, u għaraft li l-vapur J194 kien sorġut fil-moll tat-Tarzna fil-Port il-Kbir ta’ Malta. Għal raġunijiet ovvji interessajt ħafna ruħi, staqsejt dwaru, iżda l-persuna li tieħu ħsieb il-post ma kienx jaf għala r-ritratt kien imqiegħed f’dak l-imkien. Għalhekk mort infittex ta’ malajr fuq Google biex nistabbilixxi l-identità tal-bastiment tat-tip J194, u irriżulta li kien HMS Hythe, vapur minesweeper tal-flotta Ingliża.
Dan il-vapur kellu rabtiet qawwija mall-gżira ta’ Malta fejn qatta’ ħafna żmien ineħħi bombi mill-baħar madwar Malta u l-Port il-Kbir. HMS Hythe kien ikkummissjonat fis-6 ta’ Mejju 1942, baħħar lejn Ġibiltà ma’ HMS Rye biex jingħaqad mas-sbatax-il minesweeper flottilla. F’Ġunju 1942 il-flottilla kienet salpat lejn Malta bħala parti mill-‘Operazzjoni Harpoon’. Fetħu u nadfu t-triq lejn il-Port il-Kbir u wasslu lill-konvoj f’Malta f’Awwissu tal-1942. Il-flottilla pparteċipat fil-famuż Konvoj ta’ Malta ‘Operation Pedestal’ magħruf aktar bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, li kienet tinkludi s-salvataġġ tat-tanker taż-żejt ‘SS Ohio’.
HMS Hythe kien onorat mill-kumpanija ‘Malta Post’ meta ppubblikat ħarġa speċjali ta’ bolol biex tikkommemora s-sebgħin anniversarju ta’ dan l-avveniment storiku. HMS Hythe ġie stampat fuq il-wiċċ tal-bolla tas-€0.26.
F’Lulju tas-sena 1943 HMS Hythe issieħeb fl-erbatax il-minesweeping flotilla għal Sqallija u fit-8 ta’ Lulju 1943 baħħar lura lejn Malta f’konvoj biex inaddaf it-triq tal-vjaġġ mill-bombi fil-baħar. Wara rritorna lura Malta biex jgħasses u jnaddaf il-baħar mill-bombi tal-għadu. F’Awwissu tal-1943 irritorna fis-sbatax -il minesweeping flottilla filwaqt li fit-8 ta’ Awwissu 1943 telaq minn Lixandra mall-konvoj MK821 għal Ġibiltà, u wasal hemm ma’ vapur ieħor merkantili rmunkat wara li nlaqat mill-bombi. HMS Hythe imbagħad reġa’ ntbagħat għal darb’oħra f’Malta. Fid-9 ta’ Ottubru 1943 dan telaq minn Malta biex jeskorta il-konvoj GU18 lejn Ġibiltà.
Fl-11 ta’ Ottubru 1943 fis-01:09 HMS Hythe ġie bbumbardjat b’torpedo minn ajruplan tat-tip GNAT lil hinn minn Bougie fl-Alġerija. Sfortunatament dan għereq ma’ 50 ekwipaġġ li kienu fuqu, filwaqt li dawk li salvaw ġew salvati mill-HMS RYE.
Il-konnessjoni ta’ dan il-vapur ma’ Malta kif ukoll mal-Kalkara hija iżjed qawwija għaliex wieħed mill-baħħara li tilfu ħajjithom kien Giovanni Gatt, ta’ 34 sena, bħala il-kok prinċipali tal-kċina tal-vapur (o) (le E/LX 20868), iben George u Angela Gatt u r-raġel ta’ Lorenza Gatt mill-Kalkara, Malta. Huwa jinsab midfun ġewwa Shmouth Naval Memorial, fi Plymouth l-Ingilterra.