Matul din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ffirmat il-kuntratt li permezz tiegħu matul ix-xhur li ġejjin se tidħol għal proġett ta’ restawr konfinanzjat minn fondi Ewropej permezz tal-programm LEADER bħala parti mill-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2014-2020.
Fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara nsibu ċentru ta’ ventartal irrakmat bl-idejn li għandu bżonn restawr professjonali. Din l-opra kienet tintuża fil-festi prinċipali ġewwa l-ewwel Knisja Parrokkjali tar-raħal, liema binja sfortunatament intilfet kollha matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ftit kienu l-opri tal-arti li ġew salvati, wieħed minnhom dan il-ventartal, xogħol Taljan tal-1897. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ser tkun qed tirrestawra din l-opra, li tkun esebita b’mod permanenti fil-Knisja Parrokkjali u tibda’ tiġi utilizzata fil-festi liturġiċi prinċipali fil-Knisja Parrokkjali preżenti. Dan minbarra li ser jiġi stampat ktejjeb b’informazzjoni storika dwar dan il-ventartal u l-proġett tiegħu.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara trodd ħajr lill-Fondazzjoni Gal Xlokk u lill-Meusac għall-għajnuna mogħtija. Il-proġett, f’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tal-Kalkara, mistenni jkun lest matul is-sena d-dieħla.
Dan il-proġett huwa kofinanzjat that il-Programm LEADER tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali (RDP) 2014 – 2020.