Kitba ta’ Denis A. Darmanin
Nhar id-19 ta’ Diċembru 1861, il-Qorti Marzjali Militari imlaqqha fil-Kwartieri Ġenerali tal-Armata Britannika ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt Valletta, sabet l-artillier Nru. 554 John Edwards ħati ta’ attentat ta’ qtil.1 L-inċident kien seħħ fil-misraħ tal-kwartieri fil-Forti Sant Iermu,2 il-post fejn Edwards, li kien membru tat-3 Brigata tar-Royal Artillery, fejn kien stazzjonat. Għal raġuni mhux magħrufa Edwards spara tir ta` ixkubetta fuq il-Kaptan u Ajutant Edward Keate, membru tal-istess Brigata, waqt li dan kien qed jaqsam dan il-misraħ.
Għalkemm Edwards spara minn distanza ta’ mitt metru biss, il-balla ma laqtetx lill-Kaptan iżda laqtet arblu madwar ħames metri ‘l fuq min ras il-kaptan. Edwards inqabad waqt li kien fil-proċess li jerġa jikkarga. Il-Kaptan Quartermaster kien iżjed ixxurtjat minn Keate għax kien qasam il-misraħ ftit tal-ħin qabel, iżda l-akkużat kien instema’ jgħid, “Mhux se nispara lil dan miskin, għax għandu mara u tfal!“
Ftit li xejn nafu dwar John Edwards ħlief l-età tiegħu (madwar 30 sena). Huwa maħsub li qabel ma ngħaqad mar-riġment huwa serva fir-Royal Marines. Matul iż-żmien li fih seħħ l-inċident huwa kien fuq kastig ta’ xogħol ħafif u kien ġie rilaxxat ftit taż-żmien qabel.
Il-Qorti Marzjali Militari ikkundannat lill-priġunier għall-mewt billi jiġi ffuċillat. L-eżekuzzjoni kellha sseħħ fil-misraħ tal-parati fil-Forti Ricasoli, l-għada fis-7 ta’ filgħaxija fil-preżenza tat-truppi tal-gwarniġun u l-priġunieri militari tal-ħabs ta’ Kordin. Il-Forti Ricasoli kien l-imkien fejn seħħ l-ammutinament tar-Riġment ta’ Froberg fl-18074, fejn fost dawk maqtula kien hemm is-suldat tal-artillierija Johnston li baqa’ sal-aħħar jiddefendi l-porvlista jew kif mgħarufa wkol, is-Santa Barbara.5
Matul il-proċess ġudizzjarju, Edwards intalab jagħti raġuni valida għal dak li kien għamel, jew raġuni oħra biex jiddefendi lilu nnifsu, iżda qagħad lura milli jitkellem. Lanqas ma esprima dispjaċir għall-att li għamel. Waqt li kien il-ħabs, Edwards żamm silenzjuż u rrisponda biss permezz ta’ ‘iva’ jew ‘le’ għall-mistoqsijiet li kienu jagħmlulu.
Matul l-aħħar tliet ijiem qabel l-eżekuzzjoni huwa rrifjuta li jiekol u kellu jiġi sfurzat biex jagħmel dan. L-aħħar xewqa tiegħu kienet li jikteb ittra lil oħtu. Fl-ittra tiegħu huwa kkonfermala li dak li kienet tgħidlu ommu snin ilu, jiġifieri li kien se jmut ta’ priġunier, kien wasal biex iseħħ.
Kmieni dak inhar tal-Ġimgħa filgħodu, it-truppi stazzjonati fil-Belt Valletta, il-Floriana u l-kamp ta’ Pembroke qasmu jew immarċjaw lejn il-Forti Ricasoli. Mill-inħawi tal-Kottonera waslet it-2 Brigata, li kienet tinkludi t-22nd (2nd Bn. Cheshire) Regiment u t-23rd (Royal Welsh Fusiliers) Regiment, li mmarċjaw mill-kwartieri rispettivi tagħhom. It-truppi, taħt il-kmand tal-Ġeneral-Maġġur Blucher Wood CB, ħadu l-pożizzjoni tagħhom għall-eżekuzzjoni, kif ordnat mill-kmandant. Il-battaljuni ffurmaw kolonni fuq tliet naħat, bil-baned tagħhom fuq wara. In-naħa tat-Tramuntana lejn il-baħar tħalliet miftuħa.
Rappreżentazzjoni artistika ta’ fuċillazzjoni simili għal dik ta’ Gunner Edwards
Fuq il-lemin kien hemm l-1 Brigata, li kienet tikkonsisti fit-3rd Buffs, il-1st Bn 22 Regiment u l-4th Bn Rifle Brigade. Fiċ-ċentru kien hemm it-3 Brigata li kienet taħt il-kmand tal-Ġeneral-Maġġur Bates u li kienet tinkludi il-15th (2Bn East Yorkshire) Regiment, u t-22nd u 23rd Regiments of Infantry. Fuq ix-xellug kien hemm it-3 Brigata, fejn il-Kurunell Maclean mexxa r-Royal Artillery u Royal Malta Fencible Artillery li kienet ġiet promossa bħala korp tal-artillerija minn infanterija fil-25 Jannar ta’ dik is-sena stess. Fuq ix-xellug net kien hemm ir-Royal Engineers immexxija mill-Kurunell Laffan6, l-Uffiċjal Kmandant tal-Korp. Il-priġunieri militari li nġiebu apposta mill-ħabsijiet ċivili u militari7 kienu mifruxa quddiem it-truppi. L-istandardi ta’ kull riġment u t-tnabar kemm tal-Artillerija kif ukoll tal-ħmistax-il Riġment kienu mgħottija bi drapp isuwed.
Ftit minuti qabel it-8 ta’ filgħodu, Edwards mexa wieqaf quddiem it-truppi li kienu għadhom kif għamlu l-parata, filwaqt li l-banda bdiet iddoqq marċ funebru. Idejh kienu marbuta ma’ ġenbu. Għalkemm deher pjuttost pallidu, l-espressjoni ta’ wiċċu kienet waħda riġida. Huwa kien liebes l-uniformi tal-artillieri, bil-ġakketta miftuħa u bil-qmis bajda tidher.
Il-priġunier kien assistit mir-Reverendu Henry Hare, li kien Kappillan tal-Forzi Militari Brittaniċi f-Malta bejn l-1858 u l-1862, li baqa’ jakkumpanjah sal-aħħar. Il-purċissjoni kienet immexxija mill-Provost Marshal, segwit mill-banda, li kienet qed iddoqq il-marċ funebru, skorta armata, it-tebut li kien qed jinġarr mill-artilliera bħalu, il-priġunier assistit mill-Kappillan u skorta oħra. Huma mmarċjaw mix-xellug għal-lemin b’pass meqjus, u waqfu fiċ-ċentru tal-misraħ. It-tebut tqiegħed eżatt wara l-priġunier filwaqt li l-iskorta u l-banda rtiraw. Is-sentenza tal-Qorti Marzjali Militari nqrat lill-priġunier mill-Kurunell Hallewell, l-Aġent Assistent Ajjutant Ġenerali.
Wara li nqraw s-Salmi, ir-Reverendu Hare qam, ħa b’idejn Edwards u rtira. Il-Kurunell Hallewell ukoll ħadlu b’idu, u għattielu għajnejh. L-iskwadra ta’ l-eżekuzzjoni kienet tikkonsisti minn tnax artilliera li l-arma tagħhom kienet ikkargata minn qabel b’sitt skrataċ mimlija u sitta oħra vojta. Huma mmarċjaw għal madwar għaxar passi quddiem il-priġunier li kien imqiegħed jiffaċjahom.
Kif ingħatat l-ordni, l-artilliera għollew l-arma u sparaw. Il-priġunier miet mal-ewwel, iżda, kif kienet id-drawwa, il- Provost Marshal spara tir mil-pistola tiegħu fuq il-katavru. Imbagħad kull riġment immarċja b’pass bil-mod min quddiem il-katavru waqt l-baned daqqew marċ funebru ieħor. Il-ġisem tal-mejjet tqiegħed fit-tebut u ttieħed għad-dfin.
Għalkemm mhux ikkonfermat, l-artillier Edwards jidher li ndifen f’qabar mhux magħruf fiċ-Ċimiterju ta’ Bighi fil-Kalkara. Sfortunatament dan iċ-ċimiterju kien ġarrab ħsarat kbar bil-bombi Ġermaniżi matul it-Tieni Gwerra Dinjija, filwaqt li fis-snin 70 dan ġie mnaddaf.
Kien jistħoqqlu l-artillier Edwards il-piena tal-mewt għall-att li għamel? Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif suldat li kien imħarreġ tajjeb, ma jimmirax f’misraħ tant żgħir bħal dak tal-Forti Sant’ Iermu. Kienet verament l-intenzjoni tiegħu li joqtol lill-Kaptan Keate jew kien qed jipprova jsib mod kif joħroġ mill-armata? U kemm kien f’siktu f’dak il-mument meta kien jaf li għal azzjoni bħal dik kienet tingħata il-piena tal-mewt? Kienet x’kienet l-intenzjoni tiegħu, il-militar ried jagħti eżempju bieħ u jiskoraġġixxi oħrajn milli jwettqu reati bħal dawn.
Jirriżulta li ma nstab l-ebda dokument tal-Qorti Marzjali Militari dwar dan il-każ ġewwa r-Royal Artillery Institute f’Woolwich, iżda l-Kaptan Keate jinsab irreġistrat li serva f’Malta8 fi żmien dan l-inċident.
Noti u Referenzi
- The Malta Times and United Services Gazette, 19 ta’ Diċembru 1861.
- The Malta Times and United Services Gazette, 26 ta’ Diċembru 1861.
- Edward Keate kellu 18-il sena u 8 xhur meta daħal fir-Royal Artillery bħala Gentleman Cadet Nru. 2315 nhar id-29 ta’ Mejju 1848. Huwa rtira bil-pensjoni bħala Kurunell fl-1 ta’ Novembru 1882.
- Maġġur A. G. Chesny, Historical Records of the Maltese Corps of the British Army, 1897. Denis Darmanin ‘The Mutiny at Fort Ricasoli’, The Malta Independent, 12 u 19 ta’ Jannar 1997 u ‘The Froberg’s Regiment revolt in Fort Ricasoli’ fil-Bulletin of the Military Historical Society, Vol. XXXX, Frar 1990.
- J. M. Wismayer,The Fleet of the Order of St. John, f’paġna 65 jirreferi għall-isem ta’ kmamar tal-munizzjon jew porvlista tal-artillerija li kienu jintużaw fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Dan għaliex Santa Barbara hija l-qaddisa protettriċi tal-artillerija.
- Il-Kurunell Laffan kien ukoll kartografu u ismu jidher fuq numru ta’ pjanti u mapep ta’ Malta.
- Mis-sena 1837, il-priġunieri militari bdew jinżammu f’sezzjoni tal-ħabs ċivili f’Raħal Ġdid. Dawn ġew trasferiti għall-ħabs ġdid navali jew dak ta’ Kordin meta dan ingħata lill-militar fl-1870.
- Il-Ġeneral W. H. Askwith, , List of Officers of the Royal Artillery from 1716 to 1899, 1900, paġna 63A. “Il-Kaptan Keate huwa rreġistrat li serva f’Malta minn Awwissu 1852 sa Jannar 1854 kif ukoll minn Lulju 1861 sa Ġunju 1862, u fil-Krimea minn Frar 1854 sa Ġunju 1856 fejn ingħata midalja u b’distinzjoni. Huwa kien Aide De Camp għall-Gvernatur ta’ Trinidad minn Jannar 1857 sa Jannar 1859 u kellu karigi oħra simili anke wara l-irtirar.
L-artiklu sħiħ deher għall-ewwel darba f’The Sunday Times tat-28 ta’ Marzu 1999. Dan l-artiklu qed jiġi ppubblikat bil-permess ġentili ta’ Denis A. Darmanin.