Data tal-Proġett: 06 ta’ Settembru 2019
Il-ħsieb biex fil-Kalkara jerġa’ jinbena s-Salib tal-Assedju l-Kbir li sfortunatament intilef bosta snin ilu, ġie diskuss mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara fil-laqgħa numru 5 li saret nhar it-Tnejn 30 ta’ Ottubru 2017. Minn hawn bdiet ħidma biex jinstabu aktar ritratti li fihom jidher dan is-salib, li iżda rriżultat kważi fix-xejn. Minn naħa l-oħra bdew jinġiebu xi stimi biex issir din il-ħidma, speċjalment dik ta’ skultura fil-ġebla. Il-Kumitat wera x-xewqa li ladarba jsir, dan is-salib jitqiegħed fi pjazzetta li tinsab fi Triq ir-Rnella kantuniera ma’ Triq is-Salvatur, u dan sabiex ikun jista’ jitgawda iżjed. Fl-istess xhur intefgħu żewġ applikazzjoni għal fondi pubbliċi, li iżda sfortunatament ma ġewx aċċettati.
Dan ma qatax qalb il-Kumitat, tant li f’laqgħa li saret mal-Onor. Glenn Bedingfield nhar it-13 ta’ Marzu 2018, dan il-proġett issemma’ bħala wieħed mill-miri li għandha l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara. L-Onor. Bedingfield, li kien għadu kif inħatar bħala kordinator għall-istrateġija tal-Kottonera, wiegħed l-appoġġ tiegħu f’dan ir-rigward. Dan wassal biex f’Lulju 2018 saret laqgħa fuq il-post issuġġeriet ma’ Dr. Mireille Fsadni mir-Rehabilitation Projects Office. Saret diskussjoni dwar il-pjanti meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet li kellhom isiru. Intalbet ukoll l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali għal dan l-iżvilupp li ġiet approvata mal-ewwel. Il-pjanti kollha minn naħa tad-Direttorat tar-Restawr kienu lesti fil-bidu ta’ Settembru 2018 u għalhekk saret l-applikazzjoni formali għall-użu tal-art mal-Awtorità tal-Artijiet. Wara din l-approvazzjoni, f’Novembru ntalab b’mod formali l-permess neċessarju minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, li ġie approvat nhar it-23 ta’ Jannar 2019. Fi Frar ġew maħruġa t-tenders biex isir ix-xogħol ta’ skultura u tqegħid ta’ dan il-monument. Aktar tard ġew magħżula Mallia Stoneworks biex jagħmlu dan ix-xogħol kollu.
Il-pjanti li saru mid-Direttorat tar-Restawr
Fl-istess żmien, il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara applika taħt il-proġett AVOS fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti sabiex joħloq attività konġunta bejn diversi entitajiet Kalkariżi dakinhar tal-inawgurazzjoni tal-monument tas-Salib tal-Assedju l-Kbir. Din l-applikazzjoni ġiet milqugħa f’April 2019 u minn hawn bdiet ħidma ta’ kordinament dwar l-attività li kellha ssir. Ġie deċiż li f’din l-attività kellhom jieħdu sehem iż-żewġ baned tal-Kalkara permezz ta’ marċ flimkien, kif ukoll li jsir re-enactment tal-leġġenda tas-salib mit-tfal tal-Kalkara. Bdiet ħidma biex jiġi ppubblikat ktejjeb ta’ informazzjoni storika dwar l-istess ġrajja, li ġie mqassam fid-djar kollha tal-Kalkara matul ix-xahar ta’ Awwissu. Ħajr lil Bank of Valletta, Ventura General Gas Limited u MJK Transport Limited li sponsorjaw din il-pubblikazzjoni (agħfas hawn biex tara il-pubblikazzjoni). Dan minbarra li saret plakka tal-istainless steel biex titqiegħed biswit il-monument b’informazzjoni storika bil-Malti u bl-Ingliż.
Il-plakka tal-istainless steel b’informazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż
Ix-xogħol ta’ skultura tas-salib tlesta u beda jitqiegħed f’postu lejn l-aħħar ta’ Lulju 2019, sabiex f’Awwissu kien kollox f’postu. Fl-istess żmien, b’ħidma sfieqa minn naħa tas-Sindku s-Sur Wayne Aquilina u l-Kunsill Lokali, bdiet ħidma ta’ manutenzjoni fuq il-pjazzetta u l-bankijiet tagħha. Din il-ħidma saret mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu. Bdiet ukoll ħidma għall-instalazzjoni ta’ dawl dekorattiv fl-istess pjazzetta bl-għajnuna tal-Ministru l-Onor. Joe Mizzi. Finalment is-serata ta’ inawgurazzjoni seħħet nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2019 u b’hekk intemm dan l-ewwel proġett konkret tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara.
Ritratti varji tax-xogħlijiet fuq is-salib u l-pjazzetta