Il-Forti Salvatur inkluż Bieb is-Salvatur, li jinsab biswit it-tieni daħla għall-Kalkara, għandu storja kbira u interessanti. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-istat diżastruż u ta’ telqa li jinsab fih illum u l-mod ta’ kif qed jintuża. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara temmen bis-sħiħ li postijiet storiċi bħal dan il-forti għandu jinstabilhom użu alternattiv, mhux biss li jagħmlilhom ġieh, iżda wisq iżjed li jżommhom ħajjin taħt manutenzjoni kontinwa. L-Assoċjazzjoni tinnota li:
- Fil-preżent dan il-forti huwa propjetà privata wara li kien inbiegħ mill-Gvern fl-1982. Għaldaqstant, il-Forti Salvatur għandu jiġi rekwiżizzjonat minnufih mill-Gvern Ċentrali u l-utent/i preżenti jingħata post alternattiv fejn jista’ jagħmel ix-xogħol b’mod iżjed adegwat. L-Assoċjazzjoni temmen li l-istat preżenti tal-forti u l-operat li kien jew għadu jsir fih mhux sostenibbli li jsir ġewwa post storiku bħalma hi din il-forti.
2. Ikun adegwat li din il-forti tiġi rijabilitata, restawrata u jinstab użu alternattiv adegwat għaliha, fosthom li jsaħħaħ il-kummerċ turistiku f’din iż-żona u anki joħloq impjiegi għan-nies tal-inħawi
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tappella sabiex tittieħed azzjoni immedjata fuq il-Forti Salvatur, inkluż Bieb is-Salvatur, qabel ma dawn jintilfu għal kollox u nkunu tlifna ġojjel ieħor storiku u arkitettoniku ta’ pajjiżna.
Storja tal-Forti Salvatur:
Fl-1628 il-Gran Mastru Giovanni Paolo Lascaris ta l-bidu għall-bini tas-swar ta’ Santa Margerita, magħrufa ukoll bħala s-swar ta’ Firenzuola. Aktar tard, l-Ordni bdiet il-bini tas-swar tal-Kottonera bil-ħsieb li dawn idawru t-tliet ibliet. L-ewwel daħla tagħhom wara l-Birgu kien Bieb is-Salvatur li jagħti għall-Kalkara, u din qatt ma ġiet kompluta fi żmien il-Kavallieri tant li maż-żmien twessa’ l-bieb t’attakk li beda jservi bħala entratura. Il-Forti Salvatur inbena fl-1724 mill-Gran Mastru Fr Anton Manuel de Vilhena. Il-forti fih żewġ partijiet jagħtu fuq in-naħa tal-art u fuq in-naħa tal-baħar. Huwa wkoll imdawwar b’foss. Kien fih 22 kanun u żewġ porvlisti u fi żmien l-Ingliżi serva bħala riformatorju għat-tfal. Dan minbarra li għal xi snin kien serva bħala kamp tal-priġunieri tal-gwerra, tant li fit-Tieni Gwerra Dinjija ġew internati fih persuni Maltin, fosthom Herbert Ganado. Fuq il-bieb prinċipali tqegħdet skrizzjoni li kienet tgħid li jekk qatt is-swar tal-Kottonera jiġu megħluba, dan il-forti ma kienx se jħalli li jiġi megħlub il-Birgu.
Għal iżjed informazzjoni żur: Visit Kalkara: Il-Forti Salvatur u Visit Kalkara: Bieb is-Salvatur
Ritratti u Video ħajr lil Pierre Farrugia
Ritratti oħra ħajr lil Fort Finder
Well done! Very interesting and you should have more of these articles. We should look after all this Maltese history for the future generations.
Jidhirli li dan il-bini ghmel zmiem iservi bhala riformatorju ghat-tfal
“Imqarbin::”
Fi tfuliti il- genituri kienu jwessuna
“Jekk ma ggibx ruhek sewwa nibghatek IS-SALVATUR.