Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara attendiet għal-Laqgħa ta’ Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istrateġija għall-Kottonera mtella’ mill-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni għall-Kottonera. Matul din il-laqgħa ġie diskuss fit-tul id-dokument propost mill-Gvern dwar proġetti fiż-żona tal-Kottonera u l-Kalkara, filwaqt li saru diversi interventi mill-pubbliku dwar l-istess strateġija.
Sadanittant, matul l-istess laqgħa, l-Onor. Glenn Bedingfield, Koordinatur tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni għall-Kottonera ħabbar li l-proġett ta’ riġenerazzjoni tax-xatt tal-Kalkara ġie approvat aktar kmieni matul l-istess ġurnata minn naħa tal-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni tal-Port il-Kbir. Dan il-proġett, frott ħidma intensiva li saret mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara fl-aħħar snin permezz ta’ project plan imħejji minn konsultent tekniku, mistenni jibda’ fil-jiem li ġejjin bix-xogħlijiet preparatorji. Il-proġett jinkludi x-Xatt u parti minn Triq Marina, kif ukoll Misraħ Arċisqof Gonzi, ix-Xewkija u Ġnien is-Salvatur.
Is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, Duncan Brincat, f’intervent li għamel matul l-istess laqgħa, tenna l-ħajr tal-istess Assoċjazzjoni li dan il-proġett imħejji mill-Kunsill Lokali finalment kien ser isir, speċjalment meta wieħed iqis li l-Kalkara kienet minsija fejn jidħlu proġetti kbar kapitali u infrastrutturali matul medda ta’ snin. Huwa reġa’ semma’ l-ħtieġa li l-Forti Ricasoli jingħata prijorità, kif finalment jisħaq l-istess dokument maħruġ mill-Gvern, mhux biss għax jinsab f’periklu imminenti, iżda ukoll għaliex joħloq diversi opportunitajiet fiż-żona kollha, fosthom dawk turistiċi, edukattivi, imprenditorjali u anki xogħlijiet ta’ snajja’ varji. Huwa temm l-intervent tiegħu billi saħaq li postijiet storiċi bħall-Forti tas-Salvatur, għalkemm f’idejn privati, għandhom jingħataw lura d-dinjità li jixraqilhom. Għal din il-laqgħa minn naħa tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara attendew is-Segretarju Duncan Brincat, it-Teżoriera Josette Deguara u l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Etienne Camilleri.
[youtube https://www.youtube.com/watch?v=bGDvPRuLzlk&w=560&h=315]