L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tinnota b’sodisfazzjoni il-ħidma kbira ta’ restawr li għaddejja matul din is-sena fuq diversi binjiet li jiffurmaw parti mill-Forti Ricasoli. Kienet l-istess Assoċjazzjoni li fl-2018 bdiet kampanja ta’ informazzjoni u għarfien dwar il-ħtieġa li jsir restawr komprensiv fuq dan l-ikbar forti fl-Ewropa. L-Assoċjazzjoni ħadet ħsieb li tħejji rapport tad-diversi ħsarat li jeżistu u anki tat diversi suġġerimenti tal-ħidma meħtieġa. Fl-2019, bil-ħidma tal-Fondazzjoni Kottonera mmexxija mill-Onor. Glenn Bedingfield, bdew xogħlijiet ta’ tindif, manutenzjoni u anki żgumbramenti.
Fl-istess sena, il-Gvern alloka investiment ta’ €1,000,000 sabiex tinbeda l-ħidma mid-Direttorat tar-Restawr fuq diversi binjiet. Matul din is-sena 2020 twettaq ammont konsiderevoli ta’ xogħol relatat mar-restawr u l-konservazzjoni, fosthom fuq strutturi li kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, filwaqt li tfaħħar ix-xogħol professjonali li qed isir mid-Direttorat tar-Restawr u l-ħidma li saret u li qed issir mill-Fondazzjoni Kottonera, tappella sabiex matul din is-sena ssir allokazzjoni finanzjarja oħra mill-Gvern sabiex jitkompla dan il-proġett massiċċ, speċjalment fuq dawk iż-żoni li jinsabu fi stat perikoluż. B’ħidma konġunta, u b’aspettattivi ta’ użu dehen għal dan il-forti, inwettqu l-ħidma biex nippreservaw il-patrimonju tagħna.
Ħajr għar-ritratti: Direttorat tar-Restawr
Batterija fil-Kurtina numru 1 fil-Forti Ricasoli
Kontragwardja ta’ San Duminku fil-Forti Ricasoli