L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara matul l-aħħar ġranet nehdiet proġett ieħor importanti b’risq il-konservazzjoni tal-wirt storiku-reliġjuż tal-Kalkara. Permezz ta’ fondi miksuba mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund tal-Fondazzjoni Kottonera qed isir restawr intensiv fuq tliet opri tal-irħam li jinsabu fil-Knisja Parrokkjali. Dawn huma: il-battisteru tal-magħmudija xogħol il-marmista Mariano Russo u li kien imqiegħed fil-Knisja l-antika fl-1898 u salvat wara l-gwerra, il-fonti tal-ilma mbierek li bħall-battisteru jinsab fl-entratura tal-Knisja, u l-artal maġġur xogħol il-marmista Armando Battelli fl-1953 li kien irregalat mis-Sinjuri Mintoff għall-Knisja preżenti.
Ix-xogħol ta’ restawr, li jinkludi diversi stadji differenti, qed isir minn James Licari u Ingrid Ross mid-ditta Heritage ResCo. Matul il-ġranet li għaddew saret żjara fuq il-post mill-Onor. Glenn Bedingfield, Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, li ngħata deskrizzjoni tal-fażijiet ta’ dan il-proġett u faħħar din l-inizjattiva. Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tenniet li hija kommessa li tkompli taħdem bis-sħiħ sabiex il-wirt storiku Kalkariż ta’ kull xorta jiġi mħares u konservat.