Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Settembru rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kellha laqgħa kordjali mal-Onor. Chris Agius, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Matul din il-laqgħa ġiet diskussa fit-tul is-sitwazzjoni tal-ħitan kollha li jdawru Villa Portelli, preżentement użataha mill-MCAST bħala l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport Marittimu. Dawn il-ħitan jinsabu fi stat ħażin ħafna, tant li dak li jinsab biswit Taraġ San Ġużepp huwa meqjus perikoluż għall-pubbliku. L-Assoċjazzjoni ilha għal dawn l-aħħar xhur tirrimarka lill-awtoritajiet kompetenti l-bżonn ta’ manutenzjoni mill-aktar fis. Minn naħa tiegħu l-Onor. Agius wiegħed li ser jieħu l-passi meħtieġa u jistħarreġ dak kollu li jista’ jsir b’mod immedjat.
Matul l-istess laqgħa ġiet diskussa ukoll is-sitwazzjoni preżenti tal-Forti Ricasoli kif ukoll ir-rapport li l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ppreżentat lill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat ftit tal-jiem ilu. L-Onor Agius wera interess f’dan ir-rigward u wiegħed ukoll l-għajnuna kollha tiegħu fejn meħtieġ.
Id-delegazzjoni mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienet magħmula mill-President Ivan Cauchi, is-Segretarju Duncan Brincat u l-Viċi President Nathalie Seguna.