Kitba ta’ Lorenzo Zahra
L-arbli twal li jinsabu fil-Bajja tar-Rnella kienu għal bosta snin jitqiesu bħala l-landmark tal-Kalkara.
Minħabba li matul is-seklu li għadda, is-seklu 20, kien ivvintat it-telegrafu, is-Servizzi Ingliżi kienu minnufih ħasbu li fil-bażi ta’ difiża li kellhom fil-gżira tagħna jistabbilixxu stazzjon b’dan l-għan u għalhekk kien magħżul il-post fil-Kalkara magħruf bħala l-Wied tar-Rnella.
F’dan il-wied ma kienx hemm bini, kien għeri, tant li l-Gvern Kolonjali kien stabbilixxa fil-post maħżen tal-porvli (porvlista). Kien sar stazzjon tal-Gvern Kolonjali li nbena fuq disinn tal-Perit Galizia. Dan jinsab fin-niżla lejn il-bajja.
Fl-1910 twaqqaf l-ewwel stazzjon tat-telegrafu li meta tlesta kien jissejjah ‘Malta High Power Wireless Station’ u kien hemm allura Station Engineer li kien jgħix f’dar apposta mibnija mis-Servizzi Ingliżi. Għall-bidu kien iċ-Chief Engineer Maġġur GP Hayes. Ix-xogħol tal-bini kollu tal-istazzjon kien sar mill-kuntrattur Malti Ernestu Cassar. Kien għamel kuntratt għall-bini kollu fl-24 ta’ Jannar 1911. Wara kien bena kwartieri għal xi impjegati li kienu jaħdmu fl-istazzjon. Kien ħadem din iż-żieda l-kuntrattur Xuereb. Il-pjanti kienu saru mill-istess Maġġur Hayes. Fis-sena 1926 kien sar xogħol tat-twaqqif tal-arbli twal u għoljijn li bagħqu magħrufa bħala l-arbli tar-Rnella. Dawn kienu twal iżjed minn sitt mitt pied u kienu magħrufa wieħed bħala tal-Majjistral u l-ieħor tal-Lbiċ.
Ix-xogħol fuqhom dejjem sar taħt id-direzzjoni ta’ dan il-Maġġur Ingliż li ismu baqa’ marbut ma’ dan il-proġett. Fis-sena 1930 kien sar xi tibdil fix-xogħol tal-arbli b’forma ta’ gradi u kienu saru żewġ arbli oħra li ma kienux twal daqs dawk eżistenti: kienu mitejn u ħamsin pied-il wieħed.
Biex jitħaddem dan l-istazzjon kienu saru wkoll transmitting stations. Kien beda jaħdem fis-sena 1911. Fis-sena ta’ wara kienu saru ukoll blowers għat turbini li kienu tad-ditta Thomas Houston u tqegħdu fi kmamar apposta fl-istazzjon stess. Fis-sena 1928 kienu saru ukoll transformers tal-eletriku apposta biex jitħaddem l-istazzjon. Kien sar ukoll xelter, imma meta tfaċċaw l-għidut tal-gwerra fis-sena 1936 sar ukoll stazzjon taħt l-art.
Wara l-gwerra il-format tal-istazzjon tbiddel u fl-1946 kien ġie immodernizzat sew u saru arbli oħra minflok l-għoljijn. Fis-sena 1959 reġgħu saru arbli oħrajn ta’ mija u tmenin pied u fis-sena 1961 saru dawk li huma twal erba’ mitt pied. Dawn naturalment kienu għall-użu tas-servizzi tad-difiża. B’hekk il-Wied tar-Rnella kien ċentru magħruf mhux biss għat telegrafu imma wkoll għal arbli għolja li llum il-ġurnata m’għadhomx jintużaw għax inbidlu s-sistemi kollha. Fil-fatt, illum il-ġurnata l-ebda wieħed minnhom ma jintuża għal skop ta’ telekomunikazzjoni għajr dak li ttieħed il-Għargħur li huwa l-arblu ewlieni li għadu jintuża għal dan il-għan.