Delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara illum ħadet sehem fil-Kommemorazzjoni tal-Vittmi Kalkariżi tat-Tieni Gwerra Dinjija, serata mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara. Propju bħal-lum, 24 ta’ Marzu fis-sena 1942 seħħet waħda mill-agħar traġedji fl-istorja riċenti tal-Kalkara, bil-mewt ta’ 23 ruħ f’xelter li kien jinstab Triq Patist Borda. Dan minbarra għadd kbir ta’ traġedji oħra li seħħew matul dak iż-żmien, fosthom nhar l-10 ta’ April 1942 meta ġġarfet għal kollox il-Knisja Parrokkjali. Għal dan il-għan, rappreżentanza mill-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara attendiet għall-quddiesa fil-Knisja Parrokkjali, u wara l-President Ivan Cauchi, fil-preżenza tas-Sindku Speranza Chircop u l-Kunsilliera, qiegħed kuruna tar-rand f’ħoġor il-monument tal-gwerra li jinsab fi Pjazza Sagra Familja. Id-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara kienet magħmula mill-President Ivan Cauchi, Segretarju Duncan Brincat, Viċi President Nathalie Seguna u l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Etienne Camilleri.