L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara bl-għajnuna tal-organizzazzjoni volontarja Saġġar, nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru ħadet ħsieb li jitħawlu 75 siġra indiġena Maltija f’inħawi differenti tal-Kalkara. Il-ħidma wara din l-inizjattiva bdiet diversi xhur ilu meta l-Assoċjazzjoni uriet il-ħsieb li jitħawlu siġar f’żoni b’ħamrija li kienu vojta. L-organizzazzjoni Saġġar, li preżentement qegħdha tikkordina proġett nazzjonali ta’ din ix-xorta, mal-ewwel laqgħet dan l-appell u mhux biss offriet l-għajnuna meħtieġa, iżda ukoll is-siġar kollha neċessarji.
Is-siġar li tħawlu huma kollha indiġeni Maltin, u għaldaqstant mhux invażivi għall-ambjent Malti. Fost dawn ta’ min isemmi li ġew imħawla tipi differenti, fosthom: is-siġra tal-virgi, alaternu, bruka, rand, tin, riħan, għargħar, ballut, xewk ta’ Kristu u żnuber. L-inħawi fejn sar it-tħawwil ġew magħżula wara spezjoni li saret madwar it-toroq tal-Kalkara, filwaqt li xi wħud ġew imħawla fl-Iskola Primarja. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tixtieq trodd ħajr lill-organizzazzjoni Saġġar għall-għajnuna f’din l-inizjattiva, lill-Kunsill Lokali u s-Sindku Wayne Aquilina għall-interess u l-permessi meħtieġa, u lir-residenti kollha li ser ikunu t’għajnuna fit-tisqija tas-siġar għall-ewwel perjodu. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara saħqet li dan huwa l-bidu għax-xewqa tal-membri tagħha li l-Kalkara tkun miżgħuda bis-siġar u bl-aqwa ambjent naturali f’pajjiżna.
Nispera li taghfu min ser jiehu hsiebhom.
Andrew bħal ma hemm miktub fl-artiklu, ser jieħdu ħsiebhom ir-residenti tar-raħal stess. Dan ser ikun taħt osservazzjoni tagħna stess kif ukoll tal-Kunsill Lokali.