Xi żmien wara l-Assedju l-Kbir, ir-rebħa tal-Maltin flimkien mal-Kavallieri ta’ San Ġwann Ospidalieri kontra t-Torok, meta l-fortijiet u s-swar ma tanx kienu qegħedin jintużaw, il-Kavallieri kienu jħallu xi nies biex jgħassu dawn il-postijiet speċjalment bil-lejl.
Darba fost l-oħrajn, għassies li kien jaħdem fil-forti Ricasoli, kien qed jieħu nagħsa bil-moħbi f’nofs ta’ lejl sieket. Qajla kien jinqala’ għawġ dik il-ħabta għalhekk għassies wieħed biss kien ikun dejjem biżżejjed. F’ħin minnhom, iqum maħsud għax ħass bħal riħ kiesaħ għaddej min fuqu u issa bħal qisu kien qed iħoss li ma kienx għadu waħdu!
Għalkemm mad-daqqa t’għajn ma lemah lil ħadd, min ġol-kantuniera tal-istess kamra fid-dlam jara riesaq lejh figura trasparenti bit-turban ġo rasu u sejf imdendel got-terħa ta’ madwar qaddu. Mill-ewwel intebah li kien fatat Tork!
Imbeżża’ u mifxul staqsieh x’kien qed jagħmel idur fil-forti, u dak dlonk qallu li ried jgħidlu sigriet bil-patt u l-kundizzjoni li ma jgħid lil ħadd u jżomm kollox għalih. Kif l-għassies tah kelmtu li ma kien se jgħid lil ħadd, il-ħares Tork għamillu sinjal biex jimxi warajh, qalb passaġġi mudlama ġol-forti, t-Tork ħadu quddiem waħda mill-kmamar li ħadd ma seta’ jidħol fiha għax kienet imbarrata u mssakra. Huwa qallu li ġewwa fiha kien jinsab teżor kbir.
L-għada dan l-għassies daħħala f’rasu li jgħid kollox lil sieħbu, u dakinhar filgħaxija stess ħadu miegħu fil-forti sabiex flimkien jiftħu din il-kamra u jaraw verament x’kien fiha. Wara kedda papali biex biex jiżgassaw il-bieb, ġo fiha sabu bosta kaxxi antiki mimlija sa fuq net b’muniti tal-faħam. Dak iż-żmien il-faħam kien jiswa ħafna flus u għalekk iddeċidew li dawn il- muniti tal-faħam jaqduhom fi blokki sħaħ u jbiegħuhom.
L-għada bil-lejl dan il-ħares inkorlat għal għaġier ta’ l-għassies, reġa deherlu u tah xeba li ħallietu għal mejjet.
It-tagħlima ta’ din il-leġġenda hi li ma għandek qatt tikxef dak kollu li jaqsam miegħek il-ħares!