Fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara nsibu sett ta’ erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra bi kwadri tal-irħam li jdawru l-istess Knisja. Il-pittura tal-istazzjonijiet saret mill-artist Taljan Attilio Palombi u ġiet impittra lejn l-aħħar tas-seklu dsatax. Oriġinarjament dan is-sett kien sar għall-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, iżda tneħħa minn hemm meta saret il-Via Sagra tal-bronż, xogħol Pietro Tavani. Il-pittura ngħatat lill-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara fil-bidu tas-snin ħamsin, eżattament kif intemm il-proċess tal-bini tal-istess Knisja. Għalihom inħadmu sett kwadri tal-irħam ġewwa Pietrasanta fl-Italja.

Matul dawn is-snin kollha l-pittura tal-istazzjonijiet qatt ma ġiet restawrata u għalhekk din ġarrbet ammont ta’ ħsara fit-tila u anke telf ta’ żebgħa. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara daħlet għal proġett ieħor ta’ restawr ta’ dawn il-pitturi. Il-proċess inbeda billi l-ewwel nofs il-pitturi tniżżlu minn posthom fil-Knisja Parrokkjali u ttieħdu ġewwa l-bottega ta’ Restawr Arti fejn taħt is-superviżjoni tar-restawratriċi Semira Bugeja sar ix-xogħol meħtieġ ta’ restawr fuq dan is-sett tant important u artistiku fil-Kalkara.

Dan ix-xogħol kollu sar b’attenzjoni kbira fejn il-proċess inkluda t-tindif tal-wiċċ tal-pittura biex jitneħħa t-trab u l-ħmieġ li akkumula matul is-snin. Sar ukoll il-konsolidament tas-saffi kollha fejn kien essenzjali biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-pitturi. Barra minn hekk, saru ukoll it-tiswijiet u l-irqajja neċċessarji biex jerġgħu jissewwew partijiet li kienu imħassra jew anki neqsin. It-tila tal-pitturi ġiet rilinjata biex tiġi evitata aktar ħsara. Fl-aħħar, sar l-irtokk biex jiġu rrestawrati l-kuluri oriġinali u l-estetika tal-pittura u ġie rrifreskat mill-ġdid id-deheb fuq il-bsaten tal-bordura.
Ftit jiem qabel il-Milied tal-2024, ir-restawratriċi Semira Bugeja rritornat lura mir-restawr l-ewwel nofs tal-istazzjonijiet tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. Flimkien ma’ membri mill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara, bl-għajnuna tas-Sur Joseph Darmanin, dawn reġgħu twaħħlu lura fil-kwadri tal-irħam tagħhom fejn wara tniżżlu minn posthom it-tieni nofs tal-pitturi u ttieħdu huma ukoll ġewwa l-bottega ta’ Restawr Arti għall-intervent tagħhom. Ix-xogħol fuqhom kien lest ftit qabel il-Ġimgħa Mqaddsa 2025 u wara li twaħħlu lura, setgħu jiġu apprezzati mill-parruċċani għal dan iż-żmien.

Dan il-proġett sar mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara b’kollaborazzjoni mall-Parroċċa San Ġużepp Kalkara u huwa kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm LEADER 2014 – 2020.
