Il-proġett tal-Heritage Trail fil-Kalkara ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima flimkien mall-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara.
Dan il-proġett jikkonsisti fi 15-il stand tal-istainless steel imwaħħla f’siti importanti fil-Kalkara, u b’informazzjoni mnaqqxa fuqhom bil-Malti u bl-Ingliż, kif ukoll kodiċi QR li jwassal lill-utent għal ritratti u informazzjoni addizzjonali online.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ fondi Ewropej, mill-programm LEADER, se nkunu qed nippromwovu l-wirt storiku u kulturali ta’ din il-lokalità b’mod innovattiv u aktar attraenti, kemm għaż-żgħażagħ u anke għat-turisti li jiġu jżuru din il-lokalità.
Fl-istess proġett ġiet iddisinjata u stampata mappa turistika tal-Kalkara mid-disinjatur Alfie Gatt, li hija disponibbli b’xejn fil-ħwienet tal-lokalità u kjosks ta’ informazzjoni għat-turisti li jinsabu madwar Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li permezz ta’ din il-mappa qed jiġi ffaċilitat l-aċċess għal din il-heritage trail u verament ikun jista’ jgawdi minnha kulħadd. Ikkonkluda billi qal li b’dawn il-proġetti qed inkomplu nsaħħu wkoll is-settur turistiku biex nersqu lejn turiżmu li jiffoka aktar fuq kwalità milli l-kwantità.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq dwar kif permezz tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Volontarji, aktar għaqdiet volontarji qed ikollhom iżjed opportunitajiet sabiex jaċċessaw fondi Ewropej. Huwa saħaq ukoll dwar l-importanza li l-għaqdiet jiġu gwidati lejn diversi programmi ta’ finanzjament Ewropej skont l-intervent tal-proġett.
Grazzi għal dan il-fond, l-għaqda volontarja Wirt il-Kalkara setgħet toħloq proġett li se jeduka lil kulħadd dwar l-istorja tal-Kalkara b’mod oriġinali. Fl-aħħar nett, is-Segretarju Parlamentari Grima ħeġġeġ iżjed għaqdiet volontarji sabiex jersqu ‘l quddiem u jirrikorru għad-diversi fondi li hemm disponibbli.
Ġie mniedi wkoll sit elettroniku ġdid: www.visitkalkara.com, fejn minbarra li tista’ titniżżel l-istess mappa, wieħed jista’ jaċċessa informazzjoni dwar l-istorja tal-Kalkara u tagħrif ieħor biex jgħin lill-utent jinteraġixxi u jintegra fil-komunità u n-negozji lokali.
Fi kliem il-kordinatur ta’ dan il-proġett Etienne Camilleri, “L-għan tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara huwa dak li tpoġġi dan ir-raħal fuq il-mappa bħala destinazzjoni turistika. Issa t-turisti u l-viżitaturi Maltin għandhom l-opportunità jippjanaw ġurnata jew tnejn bħala eskursjoni u mixja madwar il-Kalkara.” Preżenti ukoll għal din it-tnehdija kien hemm l-Onor. Glenn Bedingfield Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera u s-Sur Wayne Aquilina Sindku tal-Kalkara.
80% minn dan il-proġett huwa ko-finanzjat b’fondi Ewropej taħt il-miżura 3 tal-programm LEADER, filwaqt li 20% ġejjin mill-programm NGO Co-Financing Fund.