Il-Kumitat tad-Direzzjoni tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara jinnota b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ proposti ta’ proġetti fil-Kalkara li l-istess Assoċjazzjoni tkellmet u saħqet fuqhom matul l-aħħar sena. Fid-diskors tal-Baġit 2020 li sar nhar it-Tnejn 14 ta’ Ottubru 2019 mill-Onor. Prof. Edward Scicluna, Ministru tal-Finanzi, issemmgħu fost l-oħrajn l-estensjoni tal-Bajja tar-Rnella, il-bidu tax-xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq ix-Xatt tal-Kalkara u r-restawr fuq il-Forti Ricasoli.
Dawn il-proġetti jinsabu fid-diskors tal-Baġit 2020, kif ġej:
Sezzjoni 4.11:
Sabiex jiżdiedu ż-żoni tal-għawm ramlin, tkabbru u żdiedu l-faċilitajiet li wieħed isib, f’numru ta’ bajjiet fin-nofsinhar ta’ Malta. Fl-istess waqt, qegħdin naraw liema bajjiet nistgħu nestendu s-sena d-dieħla, fosthom il-Bajja tar-Rnella u l-Bajja tal-Għadira.
Sezzjoni 4.11:
Wara li matul din is-sena, twettqu proġetti ta’ riġenerazzjoni fuq Ġnien Laparelli, għas-sena d-dieħla hemm maħsub li jibda xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq ix-Xatt tal-Imsida, x-Xatt tal-Kalkara u f’Tal-Pieta; Ġnien il-Mall; ul-bidu għar-restawr tad-daħla tal-Isla u l-Belvedere. Dan barra li se jitkompla r-restawr u interventi f’binjiet propjetà tal-gvern, li se jitkompla fiż-żoni ġewwa l-Belt Valletta.
Sezzjoni 6.18:
Fejn jidħol ix-xogħol ta’ restawr fuq il-wirt arkitettoniku, matul is-sena d-dieħla, bosta binjiet ta’ importanza nazzjonali, bħall-Cottonera Lines, il-Victoria Lines u Forti Rikażoli, se jsir xogħol ta’ restawr fuqhom.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara trodd ħajr lill-Ministru tal-Finanzi u l-Ministeri involuti sabiex dawn il-proġetti ġew inklużi fil-Baġit 2020. Ħajr b’mod speċjali lill-Kumitat tar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera, immexxi mill-Onor. Glenn Bedingfield, li kkonsidra dawn it-talbiet li saru minn naħa tal-Assoċjazzjoni, u lill-Kunsill Lokali tal-ħidma li wettaq bl-istess għan.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara uriet il-ħtieġa li dawn il-proġetti jinbdew minnufih, speċjalment fir-rigward tar-restawr tal-Forti Ricasoli li l-ħsarat fih bl-elementi naturali qed jiżdiedu kuljum.