Iċ-Ċimiterju jinsab madwar żewġ kilometri fix-Xlokk tal-Bajja tar-Rnella fil-Kalkara, fiż-żona viċin il-Knisja u l-Kunvent tal-Patrijiet Kapuċċini.
Dan iċ-ċimiterju kwiet huwa miżmum mill-Kummissjoni tal-Oqbra tal-Gwerra tal-Commonwealth u huwa l-post fejn hemm jistrieħu għal dejjem aktar minn 1,000 vittma taż-żewġ Gwerer Dinjija flimkien ma’ ħafna aktar oqbra ċivili. Il-maġġoranza tad-dfin li sar mill-Commonwealth huma mmarkati fuq imfakar ċatti fejn hemm fuqhom ħafna ismijiet minħabba l-art baxxa u l-blat iebes li hawn f’Malta. Mall-ħajt ta’ wara taċ-ċimiterju wieħed isib il-mafkar Navali Ġappuniż imqiegħed bejn is-siġar. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, in-Navy Ġappuniża kienet aċċettat it-talba biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-Ġermanja. Minħabba f’hekk hemm ċans kbir li matul is-sena tara bosta tifkiriet, fosthom fjuri li jħallu t-turisti Ġappuniżi meta jżuru l-qraba mejtin tagħhom.
Hemm midfun ukoll Ernest Wild, baħħar eroj tar-Royal Navy li miet matul l-espedizzjoni diżastruża ta’ Shackleton lejn l-Antartika fl-1916-1917. Ernest Wild kien irnexxielu jsalva f’din il-ġrajja terribbli biex imbagħad kellu jispiċċa vittma u jmut bit-tifojde f’Marzu 1918 wara li kien reġa’ lura għad-dmir navali.
Mir-rebbiegħa tal-1915 ‘il quddiem, l-isptarijiet u l-imħażen tal-konvalexxenti li kienu jinsabu f’Malta u Għawdex ħadu aktar minn 135,000 marid u feruti, prinċipalment miż-żoni tal-Gallipoli u Salonika, għalkemm iż-żieda fl-attività tas-sottomarini fil-Mediterran fissret ukoll li kien hemm tnaqqis konsiderevoli ta’ bastimenti-sptar f’Malta minn Mejju 1917.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-pożizzjoni ta’ Malta fil-Mediterran kienet ta’ importanza strateġika kbira għall-alleati. Minħabba l-ammont kbir ta’ fortifikazzjonijiet, il-gżira qatt ma ġiet mirbuħa mill-għadu, iżda kienet suġġetta għal bumbardament kontinwu u imblokk mid-dħul tal-Italja fil-Gwerra f’Ġunju 1940 u t-telfa li seħħet f’El Alamein f’Novembru 1942. Fil-quċċata tat-tentattivi li kienu jsiru biex l-għadu jkisser r-reżistenza ta’ Malta f’April 1942, Malta u l-Maltin ngħataw il-George Cross minn Re George VI. Id-difiża ta’ Malta bbażat ruħha fuq operazzjoni sħiħa magħmula mit-tliet fergħat tal-forzi armati u l-Armata Merkantili.
Id-daħla prinċipali taċ-ċimiterju
Iċ-Ċimiterju Navali ta’ Malta (Kapuċċini), li darba kien jagħmel parti mill-Ammiraljat, huwa maqsum f’żewġ taqsimiet: Protestanti u Kattoliċi Rumani. Il-biċċa l-kbira, 351 huma dfin tal-Commonwealth tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Dawn jiffurmaw arja trijangolari u huma kollha Protestanti. Il-bqija tal-oqbra huma mferxin. Fost dawk midfuna fiċ-ċimiterju hemm 44 raġel minn HMS “Egmont”, il-vapur depot li kien f’Malta, u 22 oħra li mietu meta HMS “Russell” ġie mgħarraq permezz ta’ minjiera ‘il-barra minn Malta f’April 1916. Il-biċċa l-kbira tas-694 difna tal-Commonwealth tat-Tieni Gwerra Dinjija jinsabu ukoll fil-parti tal-Protestanti qrib id-daħla, iżda hemm grupp ieħor fil-parti tal-Kattoliċi Rumani. Il-bqija tal-oqbra, anki f’dan il-każ, huma mferxin.
Il-Kummissjoni tieħu ħsieb ukoll 1,445 qabar ieħor li m’humiex vittmi tal-gwerer, u 137 qabar ta’ vittmi tal-gwerra ta’ nazzjonalitajiet oħra.
Ta’ min wieħed jgħid li il-ħamrija f’Malta hija baxxa u matul iż-żewġ gwerer ħafna mid-dfin kien isir b’mod kollettiv minħabba li l-oqbra kellhom jinqatgħu fil-blat. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija dan ix-xogħol kien partikolarment perikoluż minħabba r-rejds tal-ajru. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-oqbra għandhom irħam li fuqhom insibu mnaqqxa skrizzjonijiet, uħud minnhom użati bl-istess mod għal oqbra oħra ħalli tinħoloq simetrija fiċ-ċimiterju.
Ħin tal-ftuħ: mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Ottubru matul il-ġimgħa mis-07:30 sas-18:30. Fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi mit-08:30 sas-18:30. Mill-1 ta’ Novembru sas-27 ta’ Frar matul il-ġimgħa mis-07:30 sal-16:30. Fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi mit-08:30 sal-16:30. Il-karozza tal-linja tal-Kalkara bin-numru 3 tgħaddi minn quddiem dan iċ-ċimiterju.