Matul dawn l-aħħar xhur l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ħadmet qatiegħ fuq il-proġett tal-‘Kalkara Heritage Trail’, mixja madwar il-Kalkara fejn f’diversi nħawi storiċi tar-raħal twaħħlu b’mod permanenti 15-il information stand tal-istainless steel b’informazzjoni storika bil-Malti u bl-Ingliż. Kull plakka għandha ukoll QR code li permezz tiegħu tista’ taċċessa iżjed informazzjoni u ritratti dwar kull sit storiku. It-twaħħil tal-istands sar bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali.
Barra min hekk biex jgħin lil min jixtieq jagħmel din il-mixja, ġiet ippubblikata mappa turistika tal-Kalkara ddiżinjata bl-idejn min l-artist Alfie Gatt waqt li l-informazzjoni fuq is-siti storiċi ġiet miktuba u riċerkata mill-Kav. Duncan Brincat. Apparti l-ħmistax il-sit indikati mill-istands, wieħed isib ukoll immarkati siti oħra importanti u postijiet oħra ta’ interess madwar il-Kalkara. Din il-mappa filwaqt li tista’ tiġi mniżżla min fuq is-sit visitkalkara.com fil-format ta’ pdf, se tkun qed tiġi mqasma b’xejn ukoll fil-ħwienet u stabilimenti kollha tal-Kalkara fil-jiem li ġejin biex tkun disponibbli għal kull min jixtieq kopja.
Dan il-proġett huwa kkoordinat f’isem l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara mill-Kav. Etienne Camilleri filwaqt li ffinanzjat taħt il-Programm LEADER tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali (RDP) 2014 – 2020, tal-Unjoni Ewropeja, kif ukoll mill-programm NGO Co-Financing Fund taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Ħajr lill-Fondazzjoni GAL Xlokk u MEAUSAC għall-għajnuna kollha.