Kitba minn Maltascapes, Maltaramc u Maltagc70
Il-Batterija ta’ San Pietru hija batterija ta’ l-Artillerija Brittanika Kontra l-Ajruplani, mibnija u użata mill-Imperu Ingliż għad-difiża ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-batterija kienet armata b’erbgħa kanuni QF ta’ 4.5 pulzieri f’formazzjoni semi-ċirkolari. F’kull post fejn jitqiegħdu dawn il-kanuni kien jinkludi 3 kontenituri għall-munizzjon tal-konkrit u akkomodazzjoni jew kenn għall-ekwipaġġ taħt l-art. Il-kanun ta ’4.5 pulzieri ta’ kontra l-ajruplani kien adozzjoni tal-kanun Navali ta’ 4.5 pulzieri, u fl-1938 dan il-kanun ta’ kontra l-ajruplani ġie approvat għas-servizz fuq l-art. Xi kanuni kienu mgħammra b’tarka rqieqa tal-azzar u kienu jitqiegħdu ħdejn il-kosta biex jintużaw għar-rwol doppju; dak għal kontra l-ajruplan kif ukoll difiża kostali. Ir-rata ta’ sparar hija dik ta’ tmien rawnds kull minuta, il-firxa orizzontali massima hija 22,800 jardi, jgħola sa massimu ta’ 44,000 pied, idur 360 grad u l-balla tiżen 58 libbra.
Il-Batterija tinkludi żewġ bunkers tal-konkrit li probabbilment kienu jintużaw bħala mħażen tal-munizzjon u bunker ċentrali li kien il-Control Station ewlieni tal-Batterija. Hemm ukoll razzett antik b’żewġ sulari li ġie mibdul fi blockhouse għad-difiża tal-perimetru billi fih numru ta’ bokki għall-isparar u probabbilment serva ukoll bħala post ta’ osservazzjoni. Girna fit-tarf net tal-perimetru tal-Batterija servet bħala s-sala tal-pranzu u kappella. Il-Batterija ta’ San Pietru rat ammont ta’ attakki waqt l-Axis Air Raids fuq Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija fejn ġarrbet ħsarat sinifikanti inkluż direct hits li kkawżaw numru ta’ fatalitajjiet u ndarbu ammont ta’ suldati u ħaddiema tal-RMA (Royal Malta Artillery) assenjati hemmhekk. Evidenza ta’ dawn it-taqbidiet għadek tista’ tarhom sal-lum peress li l-istrutturi kollha tal-batterija huma mmarkati bi shrapnel u sparar tal-kanuni.
L-Advanced Dressing Station (ADS) ta’ Ħaż-Żabbar, li f’Novembru 1940, l-Orfanatrofju ta’ San Ġużepp ġewwa Ħaż-Żabbar ġie kkonvertit f’ADS, fejn ġabar midruba mir-Regimental Aid Posts (RAPs) tal-Forti Rikażli u mill-Batterija ta’ San Pietru fost oħrajn. L-istaff kien jinkludi ħames uffiċjali mediċi, bi tnejn oħra stazzjonati l-MAP ta’ Ħal-Tarxien. Madwar 14-il ħaddiem Malti oħra (MACs) servew bħala koki u sewwieqa. L-Advanced Dressing Station ta’ Ħaż-Żabbar kellha 20 sodda; pazjenti b’mard żgħir jew dawk li kellhom bżonn kura għal infezzjonijiet tal-ġilda kienu jinżammu hemm għal medja ta’ bejn tlieta u ħamest ijiem. Trasferimenti tal-morda kien isir filgħodu biex jitnaqqas l-ammontti ta’ rotti bit-trasport.
Wara li telqu l-Forzi Ingliżi minn Malta fis-snin 70, is-sit beda jintuża bħala razzett ta’ l-annimali, b’ħafna mil-istrutturi nbidlu f’maqjel, anke jekk ħafna mill-istrutturi għadhom intatti u f’kundizzjoni pjuttost tajba, l-Batterija tinsab taħt theddida li titwaqqa’ sabiex jimbnew djar moderni bħala parti mill-proġett ta’ żvilupp ta’ Smart City.
Il-Batterija ta’ San Pietru fid-Djarju tal-Gwerra ta’ Malta
Nhar it-30 ta’ Ġunju 1940
Air Raids: Inżul ix-xemx tat-30 ta’ Ġunju għal inżul ix-xemx tal-1 ta’ Lulju 1940.
It-Temp: Tajjeb.
Bejn id-09:40 u l-10:15 żewġ formazzjonijiet, erba’ ajruplani tat-tip SM 79, ittajru fuq il-gżira Maltija fejn tefgħu total ta’ 42 bomba. Żewġ ajruplani tat-tip Hurricane jintlaqtu iżda ma waqgħux. Waħda mill-formazzjonijiet qasmet il-gżira minn Wied il-Għajn u tefgħet bombi fuq San Pawl tat-Tarġa, il-Mosta, in-Naxxar u Birkirkara. It-tieni formazzjoni daħlet minn fuq il-Port il-Kbir u tefgħet bombi fuq San Pietru, il-Kalkara u Santu Rokku, baqgħet sejra lejn Ħal Far, tefgħu madwar 17-il bomba lejn l-Imqabba u ż-Żurrieq u telqet min fuq il-kosta ta’ Ħad-Dingli. Żewġ persuni maqtula u erbgħa oħra midruba.
Nhar it-29 ta’ Lulju 1940
Air Raids: Inżul ix-xemx tat-29 ta’ Lulju għal inżul ix-xemx tat-30 ta’ Lulju 1940.
It-Temp: Tajjeb u sħun.
Bejn id-09:52 u l-10:27 Twissija ta’ raid bl-ajru għal disa’ ajruplani u tnejn oħra tal-bombardiera jersqu lejn in-naħa ta’ fuq f’żewġ formazzjonijiet. Is-suldati ta’ Malta jistazzjonaw ruħhom iżda ma jattakkawx. il-Kanuni tal-art tat-tip Ack Ack f’Tigne, San Ġakbu, San Pietru, il-Marsa, Spinola, Manoel u l-HMS Terror jisparaw fuq l-ajruplani. L-ebda bombi ma jintefgħu.
Nhar il-25 ta’ Ġunju 1941
Air Raids: Inżul ix-xemx tat-25 ta’ Ġunju għal inżul ix-xemx tat-26 ta’ Ġunju 1941.
It-Temp: sħun u xemxi.
Bejn l-22:10 u l-23:10 Twissija ta’ raid bl-ajru għal ajruplan wieħed li resaq fuq il-Gżejjer mit-Tramuntana, bla ma nqabad min qabel minn sistemi ta’ twissija. Intefgħu bombi fuq San Pietru u fil-baħar fil-grigal ta’ San Pawl il-Baħar. It-twissija ta’ raid mill-ajru indaqq wara. Matul ir-raid diversi ajruplani ta’ Malta jittajru bid-dwal tan-navigazzjoni tagħhom mixgħula u d-dwal tal-inżul fuq l-istrippa tal-mitjar mixgħulin. Ajruplani tat-tip Hurricane jattakkaw iżda ma waqqawħx.
Nhar it-30 ta’ Diċembru 1941
Air Raids: Inżul ix-xemx tad-29 ta’ Diċembru għal inżul ix-xemx tat-30 ta’ Diċembru 1941.
Bejn l-03:58 u l04:30 hrs Twissija ta’ raid bl-ajru. Ajruplan tal-għadu jidħol mit-Tramuntana u jgħaddi minn fuq il-Port il-Kbir. Kanun tal-art tat-tip Ack Ack immedjatament spara tliet burraxki li kkawża lill-ajruplan tal-għadu jibdel ir-rotta ma kull burraxka. Intefgħu bombi fuq iż-żona ta’ Kordin, b’direct hit fuq latrina, fejn weġġgħu ħaddiema tat-tarzna li stkennew hemm minflok fejn suppost. Bombi viċin il-kanuni ta’ San Pietru fejn saret ħsara lil billetta. Tlieta huma maqtula, erbgħa midruba.
Nhar il-21 ta’ April 1942
Air Raids: Inżul ix-xemx tal-21 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-22 ta’ April 1942.
It-Temp: Riħ mil-Lvant, msaħħab b’għoli ta’ 15,000 pied.
Fl-14:12 Diversi formazzjonijiet ta’ ajruplani tal-għadu jersqu lejn il-Gżira, u jaqsmu biex jattakkaw il-Port il-Kbir, Ta Qali, Luqa u Safi. Ajruplani tat-tip ME 109s ittajru fil-baxx fuq iż-żona mmexxija mill-ewwel Riġment tal-Batiljun tal-Kings Own Malta, dawn attakkaw mill-art bil-kanuni tat-tip Ack Ack: Ma twaqqa l-ebda ajruplan.
13-il ajruplan tat-tip Bombers jattakkaw iż-żona tal-Port il-Kbir: il-kanuni tal-art tal-Batterija ta’ San Pietru ġew ibbumbardjati.
Nhar il-22 ta’ April 1942
Air Raids: Inżul ix-xemx tal-22 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-23 ta’ April 1942.
It-Temp: Riħ qawwi mil-lbiċ. Sħab medju.
Fis-17:50 hrs 21 ajruplan tat-tip JU 87s u 26 ajruplan tat-tip JU 88s attakkaw il-Port il-Kbir, kif ukoll il-Belt Valletta u Florjana, Kalkara u t-Tarzna. Bombi waqgħu bejn l-ADS ta’ Ħaż-Żabbar u l-Kottonera Lines.
Ajruplani tat-tip Bombers jattakkaw diversi kanuni tal-art. Żewġ kanuni żagħar tat-tip Ack Ack jintlaqtu minn bombi, u jmutu ħamsa u jindarbu sebgħa, inkluż wieħed serjament. Bomba tisplodi viċin il-kanun Tal-Handaq fejn iweġġa’ suldat ieħor u tkisru żewġ kanuni. Bombi oħra jinżlu viċin il-kanuni tal-Batterija ta’ San Pietru, fejn xi munizzjon ħa n-nar, u viċin is-searchlight tal-Gudia fejn weġġa suldat.
Nhar it-30 ta’ April 1942
Air Raids: Inżul ix-xemx tat-30 ta’ April għal inżul ix-xemx tal-01 ta’ Mejju 1942.
It-Temp: Riħ minn-Nofsinhar: l-ebda sħab. Ċpar sħun.
Fil-11:35 Bombi jisplodu viċin San Pietru.