Wara ħidma intensiva u konġunta ma’ diversi entitajiet, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ser tkun qed tinawgura rikostruzzjoni ta’ monument li jfakkar il-ġrajjiet u l-leġġenda ta’ tmiem l-Assedju l-Kbir fil-Kalkara nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Settembru 2019. Dan il-monument b’salib fuqu huwa tifkira ta’ monument simili li kien jeżisti fil-Kalkara, iżda li nqered matul iż-żmien.
Is-serata tal-inawgurazzjoni tal-monument ser tibda’ fis-7pm permezz ta’ marċ konġunt bejn iż-żewġ baned tal-Kalkara, San Ġużepp u Sagra Familja, li jibda’ mix-Xatt u jibqa’ tiela’ tul Triq ir-Rnella ħdejn il-pjazzetta fejn jinsab l-istess monument. Hawnhekk, fit-8pm ser tibda’ serata kommemorattiva bis-sehem tal-baned, fejn matulha minbarra d-diskorsi tal-okkażjoni, ser jinqraw ukoll kitbiet storiċi u l-poeżija tal-leġġenda miktuba minn Guido Lanfranco, kif ukoll ser ikun hemm is-sehem ta’ tfal Kalkariżi.
L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tħeġġeġ lill-Kalkariżi sabiex jattendu għal din l-inawgurazzjoni, filwaqt li tirringrazzja lill-entitatijiet kollha li taw l-għajnuna f’dan il-proġett fosthom lill-Onor. Glenn Bedingfield MP, lid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, lill-proġett AVOS fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, lis-Sindku u l-Kunsill Lokali tal-Kalkara u lil diversi individwi oħra.
Għal iktar tagħrif dwar l-istorja u l-leġġenda ta’ dan il-monument, tista’ ssegwi dan il-link: https://wirtilkalkara.com/is-salib-tal-kalkara/
Tista tghidli ezatt f’liema parti ta’ Rinella Street ser isir is-salib. Jekk hux ser isir go pjazetta bl-isen ta’ St Michael Street fejn kont noqghod jien.
Grazzi
Hi Joe, se jsir fil-pjazetta ta wara s-Sagra Familja, taħt il-flats tas-Salvatur.