Data tal-Proġett: 15 ta’ Lulju 2024
Matul is-sena 2023 il-Fratellanza ta’ San Ġużepp fi ħdan il-Parroċċa tagħna tal-Kalkara, ċċelebrat il-125 anniversarju mit-twaqqif tagħha, nhar is-6 ta’ April 1898. B’dan il-ħsieb f’moħħha, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara xtaqet li tirregala sett ta’ sitt lanterni proċessjonali li jkunu jistgħu jintużaw b’mod speċjali waqt il-purċissjoni ta’ Corpus Christi kif ukoll mar-relikwija ta’ San Ġużepp, u dan għaliex kważi l-opri kollha tal-Fratellanza ntilfu matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Għaldaqstant, wara s-suċċess tal-applikazzjoni għall-fondi mill-Fondazzjoni Kottonera, ġejna mgħotija l-finanzjament neċessarju biex isir dan il-proġett. Is-sett lanterni bbanjati fil-fidda nħadmu bl-idejn b’mod mill-aktar dekorattiv min ditta Spanjola, b’kollaborazzjoni mad-ditta George Zammit and Sons tal-Belt Valletta. Nhar it-Tnejn 15 ta’ Lulju 2024, dawn ġew irregalati lill-Parroċċa San Ġużepp tal-Kalkara għall-użu u l-ħtiġijiet kollha tagħha, u tbierku mill-Kappillan Mons. Nicholas Pace.