Data tal-Proġett: 28 ta’ Ġunju 2023
Il-kwadru titulari ta’ San Ġużepp
Il-kwadru titulari mpitter mill-artist Malti rinomat Giuseppe Calì meqjum ġewwa l-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara juri l-patroċinju ta’ San Ġużepp. Din il-pittura kienet iffirmata mill-artist bil-maqlub bħala sinjal ta’ protesta kontra kummissjonijiet mogħtija f’parroċċi oħra lill-artisti barranin għal ħlas aktar baxx. Il-pittura tlestiet fl-1898 għall-prezz ta’ £27.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Knisja Parrokkjali preċedenti tal-Kalkara kienet ibbumbardjata u meqruda totalment mill-għadu. Dan id-diżastru qered diversi xogħlijiet tal-arti, fosthom l-istatwa titulari preċedenti ta’ San Ġużepp iżda fortunatament, Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Arċisqof ta’ Għawdex u li kien ġej mir-raħal tal-Kalkara, iddeċieda li jieħu l-pitturi kollha tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara fid-Djoċesi ta’ Għawdex biex ikunu salvagwardjati.
Wara l-gwerra, fl-1944 l-Arċisqof Mons. Gonzi xtara biċċa art, magħrufa bħala ‘tal-Għeżieli’ mingħand il-Malta Gas Company, bil-ħsieb li tinbena Knisja Parrokkjali ġdida ddedikata lil San Ġużepp.
Eventwalment, ladarba nbniet u tbierket fl-1952, il-kwadri kollha salvati sabu posthom lura ġewwa l-Knisja, inkluż dak titulari. Maż-żminijiet il-pittura għalkemm restawrata fiż-żmien 90, kienet qed turi diversi ħsarat u xquq fiż-żebgħa kif ukoll partijiet fil-kulur beda jiċċara.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-pittura titulari ta’ San Ġużepp sar ġewwa l-bottega ta’ Restawr Arti taħt is-superviżjoni tar-restawratriċi Semira Bugeja.
Il-kwadru titulari tar-Ragħaj it-Tajjeb
Kapolavur ieħor li ukoll kien ikkummissjonat lil pittur Giuseppe Calì u tinsab fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara, huwa dak tar-Ragħaj it-Tajjeb, datat 1911. Il-pittura, inkluż il-qafas dekorattiv tagħha ndurat, ġiet ikkummissjonata mis-Servizzi Militari Navali Ingliżi biex tintuża bħala pittura titulari għall-Knisja Anglikana f’Villa Bighi, li dak iż-żmien kienet isservi bħala Sptar Navali.
Wara l-għeluq tal-isptar f’Settembru tal-1970, il-pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb flimkien mal-artal tal-injam tagħha ngħataw lill-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara mill-Kaptan C.L.T McClintock.
Dawn tpoġġew fiċ-ċentru tan-nava tax-xellug tal-knisja. L-artal tal-injam ġie restawrat permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija fl-2020, fejn ġie kkummissjonat ukoll wiċċ tal-irħam ġdid peress li l-oriġinal kien nieqes.
Il-pittura turi lil Kristu fuq l-art iżomm ħaruf u bastun f’id ix-xellugija, filwaqt li jbierek bl-id il-leminija. Barra minn hekk, serp jidher ħiereġ lejn Kristu minn toqba ġol-ħajt.
Il-pittura tar-Ragħaj it-Tajjeb, inkluż il-qafas indurat, kienu qed juru xi sinjali ta’ deterjorazzjoni. Il-ħmieġ u trab akkumulat maż-żmien u passati tal-verniċ kienu qed joskuraw id-dehra oriġinali tiegħu.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-pittura titulari tar-Ragħaj it-Tajjeb sar ġewwa l-bottega ta’ Atelier del Restauro Ltd taħt is-superviżjoni tar-restawratriċi Valentina Lupo.
Is-serata ‘Lura magħna’
L-inawgurazzjoni uffiċjali tar-restawr tal-pittura titulari ta’ San Ġużepp u dik tar-Ragħaj it-Tajjeb, it-tnejn xogħol l-artist Giuseppe Calì, saret nhar l-Erbgħa 28 ta’ Ġunju fis-7.15pm fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. Waqt din is-serata saret preżentazzjoni dwar l-artist Giuseppe Calì u l-iżvilupp artistiku tiegħu minn Dr. Mark Sagona Ph.D. Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta.
Saret ukoll deskrizzjoni tax-xogħolijiet ta’ restawr mir-restawraturi Valentina Lupo u Semira Bugeja rispettivament. Biex janimaw din is-serata, ħa sehem kwartett mużikali bl-isem ta’ ‘Tuba Quartet’ li huwa kompost minn Kevin Mizzi, John Coleiro u Daniel Zammit fuq l-Ewfonju flimkien ma’ Christopher Tanti fuq il-Baxx.
Għal din is-serata kienu mistiedna biex jattendu membri parlamentari, membri distinti, iż-żagħżagħ tal-parroċċa, il-Kalkariżi kollha kif ukoll il-pubbliku nġenerali. Id-dħul kien mingħajr ħlas.
Dan il-proġett twettaq mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara b’kollaborazzjoni mall-Parroċċa San Ġużepp tal-Kalkara u huwa kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm LEADER+ kif ukoll mill-NGO Co-Financing Fund, amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.