Din is-sena (2018) jaħbat is-sitta u sebgħin sena anniversarju mit-tiġrif tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara. Madankollu, ma kienetx biss id-data tal-10 ta’ April 1942 li ġerrħet lil dan ir-raħal fil-Port il-Kbir ta’ Malta. Propju minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu u anki l-imkejjen Brittanniċi li kienu jinsabu ġo fih, kienu bosta dawk l-attakki li saru u li ħallew il-marka tagħhom. Kien b’dan il-ħsieb li qiegħed nirriproduċi f’din is-sit djarju dettaljat ta’ dak li seħħ f ’ġranet differenti fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Nhar it-30 ta’ Ġunju 1940: Air Raids: Inżul ix-xemx tat-30 ta’ Ġunju għal inżul ix-xemx tal-1 ta’ Lulju 1940. It-Temp: Tajjeb. Bejn id-09:40 u l-10:15 żewġ formazzjonijiet, erba’ ajruplani tat-tip SM 79, ittajru fuq il-gżira Maltija fejn tefgħu total ta’ 42 bomba. Żewġ ajruplani tat-tip Hurricane jintlaqtu iżda ma waqgħux. Waħda mill-formazzjonijiet qasmet il-gżira minn Wied il-Għajn u tefgħet bombi fuq San Pawl tat-Tarġa, il-Mosta, in-Naxxar u Birkirkara. It-tieni formazzjoni daħlet minn fuq il-Port il-Kbir u tefgħet bombi fuq San Pietru, il-Kalkara u Santu Rokku, baqgħet sejra lejn Ħal Far, tefgħu madwar 17-il bomba lejn l-Imqabba u ż-Żurrieq u telqet min fuq il-kosta ta’ Ħad-Dingli. Żewġ persuni maqtula u erbgħa oħra midruba.
Nhar is-7 ta’ Lulju 1940: Paniku fil-Kalkara – Bomba toqtol sitt itfal taħt l-għaxar snin u omm. Air Raids: Inżul ix-xemx tas-7 ta’ Lulju għal inżul ix-xemx tat-8 ta’ Lulju 1940. It-Temp: Imsaħħab u sħun. Kalkariżi maqtula: Melania Borg, età ta’ 42 sena; Maggie Borg, età ta’ 10 snin; George Borg, età ta’ 5 snin; Josephine Borg, età ta’ 4 snin; Ċettina Borg, età ta’ 3 snin; Vincent Borg, età ta’ sentejn; Irene Borg, età ta’ 8 xhur u L. Gibbons.
Bejn id-09:17 u d-09:35 paniku joħnoq it-toroq tal-Kalkara meta ajruplani tal-għadu tefgħu bombi fil-qalba tan-nies fejn iġġarfu ammont ta’ djar fit-triq Santu Rokku u Triq il-Kapuċċini. Tmien persuni tilfu ħajjithom fl-attakk u tmienja oħra sfaw midruba. Sebgħa mill-mejta kienu minn familja waħda: Melania Borg inqatlet flimkien mas-sitt itfal tagħha, kollha taħt l-għaxar snin. Il-missier wasal lura d-dar wara ġurnata xogħol għall-familja biex isibhom mejta fit-tifrik.
Dan l-attakk qalil mhux mistenni ħasad bil-kbir il-komunità kollha madwar il-port fejn inqala’ paniku kbir. Is-Surġent tal-Pulizija Bugeja ikkalma s-sitwazzjoni u beda jfittex postijiet alternattivi fejn jistkennu dawk li tilfu djarhom, u għal dan il-għan intużat l-armerija tal-Birgu fejn din akkomodat 150 refuġjat mill-Kalkara.
Nhar it-29 ta’ Lulju 1940: Air Raids: Inżul ix-xemx tat-29 ta’ Lulju għal inżul ix-xemx tat-30 ta’ Lulju 1940. It-Temp: Tajjeb u sħun. Bejn id-09:52 u l-10:27 Twissija ta’ raid bl-ajru għal disa’ ajruplani u tnejn oħra tal-bombardiera jersqu lejn in-naħa ta’ fuq f’żewġ formazzjonijiet. Is-suldati ta’ Malta jistazzjonaw ruħhom iżda ma jattakkawx. il-Kanuni tal-art tat-tip Ack Ack f’Tigne, San Ġakbu, San Pietru, il-Marsa, Spinola, Manoel u l-HMS Terror jisparaw fuq l-ajruplani. L-ebda bombi ma jintefgħu.
Nhar is-7 ta’ Settembru 1940: Omm u tliet itfal maqtula fil-Kalkara. Air Raids: Inżul ix-xemx tas-7 ta’ Settembru għal inżul ix-xemx tat-8 ta’ Settembru 1940. It-Temp: Tajjeb. Kalkariżi maqtula: Mary Pisani, età ta’ 27 sena; Carmel Pisani, età ta’ 5 snin; Lorenza Pisani, età ta’ 3 snin; u Joseph Pisani, età ta sena.
Bejn in-12:27 u s-12:43, 24 ajruplan tat-tip CR 42 u 11-il ajruplan tat-tip SM 79 tefgħu madwar 30 bomba qawwija fuq it-Tarzna u l-Port il-Kbir. Erba’ persuni nqatlu, tnejn oħra midruba u persuna oħra nieqsa. Tmien ajruplani tal-għadu jiġġarfu.
Nhar l-14 ta’ Diċembru 1940: Ħames attakki fuq Malta. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-14 ta’ Diċembru għal inżul ix-xemx tal-15 ta’ Diċembru 1940. It-Temp: Tajjeb. Bejn in-00:45 u s-01:07 ajruplan wieħed tal-għadu jgħaddi mit-tramuntana tal-gżira maġemb il-kosta u jitfa’ bombi fuq Bormla u l-Kalkara u anke fil-baħar. Inxtegħlu s-searchlights iżda dan ma dehrx.
Nhar il-25 ta’ Ġunju 1941: Air Raids: Inżul ix-xemx tat-25 ta’ Ġunju għal inżul ix-xemx tat-26 ta’ Ġunju 1941. It-Temp: sħun u xemxi. Bejn l-22:10 u l-23:10 Twissija ta’ raid bl-ajru għal ajruplan wieħed li resaq fuq il-Gżejjer mit-Tramuntana, bla ma nqabad min qabel minn sistemi ta’ twissija. Intefgħu bombi fuq San Pietru u fil-baħar fil-grigal ta’ San Pawl il-Baħar. It-twissija ta’ raid mill-ajru indaqq wara. Matul ir-raid diversi ajruplani ta’ Malta jittajru bid-dwal tan-navigazzjoni tagħhom mixgħula u d-dwal tal-inżul fuq l-istrippa tal-mitjar mixgħulin. Ajruplani tat-tip Hurricane jattakkaw iżda ma waqqawħx.
Nhar il-25 ta’ Ottubru 1941: Attakk qawwi fuq il-Port il-Kbir. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-25 ta’ Ottubru għal inżul ix-xemx tas-26 ta’ Ottubru 1941. It-Temp: Tajjeb. Bejn 11:52 u s-12:45 erba’ ajruplani tat-tip 1007 eskortati minn 16-il ajruplan tal-bombardiera resqu lejn il-gżira minn naħa tat-tramuntana. Dawn l-ajruplani tefgħu sittax-il bomba tiżen 250 kilogramma fuq il-Port il-Kbir u x-Xatt tal-Kalkara. Seba’ djar ġarrbu ħsarat u tliet persuni sfaw feruti. Erba’ bombi laqtu l-imħażen tal-fuel fil-Forti Salvatur li kkawża nar kbir u qawwi.
Nhar it-3 ta’ Diċembru 1941: Waqt li Malta kienet fil-mira tal-gwerra, wieħed irid jiftakar li bosta Maltin kienu qed iservu wkoll fl-armata Ingliżi f’pajjiżi oħra. Din kienet toħloq ħafna ansjetà, partikolarment jekk kien ikun għadda xi żmien minn meta ġiet irċevuta xi komunikazzjoni bejn il-qraba. Fit-3 ta’ Diċembru 1941, ir-radju tal-Vatikan xandar lil Malta bl-Ingliż dik il-lejla; jitlob li jintbagħatu aħbarijiet rigward is-Sinjura Mary Borda ta’ 4, Triq ir-Rnella.
Nhar it-30 ta’ Diċembru 1941: Air Raids: Inżul ix-xemx tad-29 ta’ Diċembru għal inżul ix-xemx tat-30 ta’ Diċembru 1941. Bejn l-03:58 u l04:30 hrs Twissija ta’ raid bl-ajru. Ajruplan tal-għadu jidħol mit-Tramuntana u jgħaddi minn fuq il-Port il-Kbir. Kanun tal-art tat-tip Ack Ack immedjatament spara tliet burraxki li kkawża lill-ajruplan tal-għadu jibdel ir-rotta ma kull burraxka. Intefgħu bombi fuq iż-żona ta’ Kordin, b’direct hit fuq latrina, fejn weġġgħu ħaddiema tat-tarzna li stkennew hemm minflok fejn suppost. Bombi viċin il-kanuni ta’ San Pietru fejn saret ħsara lil billetta. Tlieta huma maqtula, erbgħa midruba.
Nhar it-2 ta’ Marzu 1942: Il-Bumbardiera ta’ Malta jiġu attakati. Air Raids: Inżul ix-xemx tat-2 ta’ Marzu għal inżul ix-xemx tat-3 ta’ Marzu 1942. It-Temp: Riħ min nofsinhar, 30% imsaħħab. Kemmxejn sħun. Vittmi maqtula mill-Kalkara: Lorenzo Mejlak, età ta’ 55 sena.
Nhar il-15 ta’ Marzu 1942: Linfern il-Ħadd – 1,800 kilo ta’ ‘bombi tax-xjaten’ fuq il-Belt Valletta. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-15 ta’ Marzu għal inżul ix-xemx tas-16 ta’ Marzu 1942. It-Temp: Riħ varjat, waqtiet imsaħħab iżda iċċara matul ilġurnata. Bejn is-13:19 u is-14:38 erba’ ajruplani tat-tip JU 88 skortati minn disa’ ajruplani tat-tip ME 109 tefgħu bombi ta’ 500 kilo-il waħda fuq Ħaż-Żabbar, il-Latnia u r-Rnella fil-Kalkara. Erbgħa Spitfires bdew jiddefendu. Fl-15:45 jintefgħu bombi n-naħa ta’ Tal-Grazzja, ir-Rnella u Madonna Tas-Silġ.
Nhar il-21 ta’ Marzu 1942: 260,000 kilo ta’ bombi – Tifel jirrakonta l-ġurnata bħala l-Infern. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-20 ta’ Marzu għal inżul ix-xemx tal-21 ta’ Marzu 1942. It-Temp: Ir-riħ mix-Xlokk, 80% imsaħħab. Fid-09:20, żewġ ajruplani tat-tip JU 88, javviċinaw u jitfgħu bomba kbira kull wieħed ta’ 1800 kilo fuq is-suq tal-ħut fil-belt Valletta u l-oħra fuq il-port il-kbir. Ajruplan ta’ l-istess tip jaqsam mit-tramuntata ta’ Malta għal nofsinhar f’għoli ta’ 30,000 pied. Ħames ajruplani oħra javviċinaw il-Port il-Kbir iżda iduru lura wara li jiġu attakati bil-qawwi. Dawn tefgħu l-bombi kollha fil-baħar in-naħa tal-Forti Ricasoli u Sant’Iermu.
Rapporti tal-Operat: 21 ta’ Marzu 1942Ir-Royal Navy għamlet Raid numru 1843 fejn instabu ħsarat fir-‘Rifle Range’ tal-Forti Ricasoli. Ir-residenza tal-Kirurgu tal-Ammirall tal-isptar Navali f’Bighi ġiet imġarrfa.
Air Raids: Inżul ix-xemx tal-21 ta’ Marzu għal inżul ix-xemx tal-22 ta’ Marzu 1942. Fl-10:14 żewġ ajruplani tat-tip JU 88 jitfgħu bomba kull wieħed ta’ 1800 kilo fuq Manoel Island u fuq l-Isptar Navali ta’ Bighi.
Nhar l-24 ta’ Marzu 1942: Massa ta’ bombi fuq il-Port il-Kbir.
- Massa ta’ bombi jintefgħu fuq vapuri tal-konvoj fil-Port il-Kbir.
- L-ammont ta’ bombi kien iddoppju tal-blitz fuq l-Illustrious.
- Attakki bla waqfien minn wara nofs in-nhar ’il quddiem.
- Bomba taqa’ fuq xelter ġo Ħal Far u toqtol ħaddiema tar-Royal Air Force.
- 23 suldati maqtula u 33 persuna Maltija maqtula, 23 minnhom fil-Kalkara.
- 28 ajruplan tat-tip Stukas jibbumbardjaw Ħal Far fil-baxx.
- Jintefa’ duħħan apposta biex ifixkel l-għadu.
Air Raids: Inżul ix-xemx tal-24 ta’ Marzu għal inżul ix-xemx tal-25 ta’ Marzu 1942. It-Temp: Riħ mil-Grigal, 30% imsaħħab. Kalkariżi maqtula: Joseph Bartolo, età ta’ 18-il sena; Anthony Busuttil, età ta’ 16-il sena; Joseph Camilleri, età ta’ 45 sena; Filomena Coster, età ta’ 54 sena; Mary Coster, età ta’ 48 sena; Ġustu Coster, età ta’ 30 sena; Joseph Coster, età ta’ 26 sena; Stella Gauci, età ta’ 12-il sena; Manuel Gauci, età ta’ 9 snin; Rokku Gauci, età ta’ sentejn; Grezzja Hili, età ta’ 44 sena; Concetta Hili, età ta’ 20 sena; Pauline Hili, età ta’ 12-il sena; John Hili, età ta’ 4 snin; Mary Micallef, età ta’ 31 sena; Samuel Micallef, età ta’ 10 snin; Toni Micallef, età ta’ 9 snin; Carmela Mintoff, età ta’ 80 sena; Josephine Mintoff, età ta’ 48 sena; Mariano Stivala, età ta’ 62 sena; Spira Vella, età ta’ 70 sena; Michael Ventura, età ta’ 75 sena, u Angelica Ventura, età ta’ 66.
Ġħall-ħabta tal-4pm, ammont ta’ bombi waqgħu fuq il-Kalkara, nofs id-dar tat-tabib Alfred Fabri fi Triq Patist Borda, iġġarfet, u l-ġebel waqa’ fuq il-bokka ta’ xelter. Uħud mill-vittmi Kalkariżi tinkludi l-familja kollha ta’ Coster li inqabdu fix-xelter u fgaw b’gas valenuż li ħareġ min kanna mkissra li kienet tintuża mill-Isptar Navali, kif ukoll għerqu meta beda tiela’ l-livell tal-ilma meta nqasmet kanna tal-ilma. Il-maġġoranza tal-familja Coster mietu mill-ewwel ħlief l-aħwa Ġustu Coster u Joseph Coster li waslu fuq il-post ftit wara u niżlu fix-xelter biex isalvaw lill-familjari iżda bħall bqija tal-familja huma wkoll fgaw bil-gass li kien ħiereġ. Bl-istess mod miet ukoll il-kuġin tagħhom Joseph Camilleri li wasal fuq il-post wara l-aħwa.
It-tabib Alfred Fabri li kien huwa stess midrub u taħt xokk, ħareġ barra waqt li r-rejd kien fl-agħar tiegħu u ħadem b’qalb u kuraġġ biex jagħti l-ewwel għajnuna lill-midruba u dawk maqbuda fix-Shelter ta’ Triq Patist Borda. Il-ħajja ta’ tliet persuni ġew salvati minn dan it-tabib kuraġġuż.
Ħafna kanni tal-ilma u tal-gass inkisru. Kemm l-ARP kif ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa waslu fuq il-post. Huma setgħu jisimgħu l-ilma jfexfex mil-kanen imkissra u kien ukoll jinxtamm il-gass. Huma daħlu pajpijiet ġodda u l-ilma ġie ippumpjat ‘il barra. Il-ħaddiema kienu mgħammra b’maskri tal-gass iżda dawn setgħu jagħtu biss protezzjoni limitata. Malli daħlu fix-xelters, il-ħaddiema tas-salvataġġ sabu li ma kienx hemm nies ħajja. Ħaddiem jirrakkonta: ‘Il-katavri maqbuda nħarġu l-barra. Fuq l-strecher, saqajhom kienu jidhru jittawlu b’mod xokkanti minn taħt il-ħwejjeġ u kutri mċappsa bid-demm. Ir-riġlejn imbiċċra u l-iġsma mejta komplew iżiedu max-xokk u l-biża.
Dakinhar ukoll, tliet xelters oħra fiż-żona ntlaqtu. Xi residenti ta’ Triq Rnella, kienu qed jistkennu f’maħżen li kien ġie rinfurzat b’saqaf tal-konkos. Hit dirett ġarfu. Aktar tard ġie stabbilit li 15-il persuna kienu ġewwa meta waqa’ dan ix-xelter. Ħaddiema tal-Air Raid Precaution (ARP), flimkien mas-servizzi Ingliżi u dawk Maltin, ħaffru madwar il-blokki tal-ġebel u ċangaturi tal-konkos biex jippruvaw jeħilsu lil dawk ħajjin iżda ma nstab ħadd ħaj. Imbagħad, xi ħadd lemaħ sieq ħierġa min taħt it-tifrik. Kienet ta’ Victor Hili ta’ seba’ snin, kien għadu ħaj. Meta ġġarraf ix-xelter, saqqu waqa’ fuq sidru, li dan ipproteġieh mill-ġebel li beda jaqa’. Ommu, ż-żewġ ħutu bniet u ħuh iż-żgħir ma kinux daqshekk ixxurtjati.Il-Kappillan Dun Eleazzaro Balzan baqa’ fuq il-post biex jesegwixxi s-Sagramenti Mqaddsa, u jwennes lil dawk il-vitmi li spiċċaw bla dar. Is-Sinjur u s-Sinjura Crigg ta’ Bighi provdew it-tè lill-ħaddiema tas-salvataġġ u ħwejjeġ lil dawk bla dar.
Nhar is-6 ta’ April 1942: Bomba tifqa’ Xelter u jmutu 18-il persuna Fis-18:15 saret it-tielet mewġa ta’ attakki li nqasmet f’żewġ formazzjonijiet. Sbatax-il ajruplan tat-tip JU 88 attakkaw it-Tarzna, tnax-il ajruplan ieħor tat-tip JU 88 attakkaw il-Ħamrun, iż-Żejtun, Gwardamanġa, il-Furjana, il-Marsa u l-Forti Ricasoli. Bumbardiera tal-art waqqgħu wieħed mill-JU 88 u għamlu ħsara fuq tnejn oħra. Fil-Furjana, tintlaqat il-barracks ta’ San Franġisk fejn imut suldat u jweġġgħu serjament tlieta oħra. Il-bombi jagħmlu ħsarat fit-toroq San Tumas, il-Miratur, fuq il-Fossos, Sarria, Triq l-Assedju l-Kbir, Triq il-Kapuċċini u t-Telgħa tal-Kurċifiss. Tnejn imutu u tnax oħra iweġġgħu serjament.
Nhar l-10 ta’ April 1942: Il-Bumbardiera ta’ l-art jiġu attakkati bil-qawwi. Air Raids: Inżul ix-xemx tad-9 ta’ April għal inżul ix-xemx tal-10 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ minn Nofsinhar, 30% sħab għoli madwar 15-18 elf pied. Fis-12:45 erba’ ajruplani tat-tip ME 109 attakkaw Ta’ Qali. 20 ajruplan tat-tip ME 209 sparaw fuq il-batterija Campbell. 36 ajruplan ieħor jersqu lejn il-gżira u jinqasmu f ’żewġ gruppi biex jattakkaw Ħal Luqa u l-Port il-Kbir. Żewġ bombi ta’ 1,000 kilo -il waħda ġew irrapurtati li ma splodewx fejn kienu stazzjonati l-bumbardiera tal-art ġewwa l-Marsa. Bomba kbira taqa’ barra xelter fil-Kalkara fejn fih dak il-ħin kien hemm 400 persuna. Din tiblokka tliet entraturi min erbgħa fejn ħadd ma ġie irrapurtat li weġġa’. L-Għolja ta’ Kordin u t-triq fuq in-naħa tal-lemin tal-baċir numru 4 ukoll jiġi mġarrfa u magħluqa. Il-canteen tar-Royal Navy jiġi milqut ukoll. Il-ħanut tal-immuntar tas-snieter, il-kamra tal-munizzjon, u l-imħażen fl-NA Depot jiġġarfu kompletament. Il-bumbardiera tal-art jattakkaw u jkissru wieħed mill-ajruplani tat-tip JU 88, ieħor JU 87 u ieħor ME 109, u jagħmlu ħsara fuq ieħor ME 109.
Fis-17:42 l-għadu jinqasam fit-tliet formazzjonijiet. Formazzjoni minnhom tattakka l-Port il-Kbir, li tkisser id-dar tal-Ammirall fil-Birgu. Il-Knisja ta’ San Ġużepp tal-Kalkara tiġi ibbumbardjata bil-qawwi u mġarrfa kompletament. Dan id-diżastru ġab ħafna ħaddiema tas-salvataġġ u ġirien biex jgħinu lil Dun Eleazzaro Balzan, il-kappillan tal-Parroċċa, li kien qed iwennes lill-midruba u jagħti l-assoluzzjoni lil diversi oħra. Waħda minn dawn kienet mara li ġiet salvata minn darha li kienet parzjalment imwaqqa. Il-mara ġiet salvata minn George Fabri, li tela’ mal-ħajt ta’ dar imwaqqa’ għal ġod-dar ta’ maġemb dik fejn il-mara kienet maqbuda. Leli Borg irnexxielu wkoll isalva lil ommu mit-tifrik.
Nhar il-11 ta’ April 1942: Il-bombi jaqtgħu d-dawl, u hemm nuqqas ta’ ilma u ħobż. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-11 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-12 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ lbiċ; ċar, ċpar fl-għoli ta’ 20,000 pied. F’12:16, 10 ajruplani tat-tip JU 88 jattakkaw il-bumbardiera ta’ madwar il-Port il-Kbir u ħafna bombi jaqgħu qrib l-antenni tal-komunikazzjoni bir-radju fir-Rnella. It-toroq kollha jingħalqu.
Nhar it-12 ta’ April 1942: Il-Port il-Kbir “m’għadx fadal x’tibbumbardja!” Air Raids: Inżul ix-xemx tat-12 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-13 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ mill-Majjistral, 50% imsaħħab. Fis-17:46 Attakki fuq il-Port il-Kbir: SS Talabot jintlaqat u jieħu n-nar. Bini tar-raba’ Platun u wieħed mirriġmenti tal-BN Cheshire tar-Rnella jintlaqtu wkoll u jġarrbu ħsarat kbar.
Il-Kumpanija B taħseb biex tmexxi tnejn mill-platuni għal Polverista. Il-canteen tat-Tarzna jintlaqat bil-bombi.Nhar it-13 ta’ April 1942: Traċċi ta’ qerda kbira għall-forzi ta’ Malta – Rapporti tal-Gvernatur. Air Raids: Inżul ix-xemx tat-13 ta’ April għal inżul ix-xemx tal-14 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ mill-Grigal, 50% msaħħab u temp kiesaħ. Fl-15:45, 28 ajruplani tat-tip JU 88 u ME 109 javviċinaw il-gżira. 9 ajruplani tat-tip JU 88 jattakkaw il-Port il-Kbir, ikissru il-canteen tan-Navy u krejn. L-istazzjon tar-Rnella jintlaqat, fejn jinqabdu taħt it-tifrik ħafna ħaddiema. Bomba oħra tolqot il-biċċerija tar-Royal Navy fil-Marsa.
Nhar l-14 ta’ April 1942: Attakk idum għaddej tlettax-il siegħa u nofs. Air Raids: Inżul ix-xemx tal-14 ta’ April għal inżul ix-xemx tal-15 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ kiesaħ mil-Grigal, 50% imsaħħab. Intefgħu bombi fuq l-ewwel riġment tal-BN Chesire u ħdejn l-erba’ platuni tar-Rnella fejn jintlaqat arblu tal-komunikazzjoni.
Nhar il-21 ta’ April 1942 Air Raids: Inżul ix-xemx tal-21 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-22 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ mil-Lvant, msaħħab b’għoli ta’ 15,000 pied. Fl-14:12 Diversi formazzjonijiet ta’ ajruplani tal-għadu jersqu lejn il-Gżira, u jaqsmu biex jattakkaw il-Port il-Kbir, Ta Qali, Luqa u Safi. Ajruplani tat-tip ME 109s ittajru fil-baxx fuq iż-żona mmexxija mill-ewwel Riġment tal-Batiljun tal-Kings Own Malta, dawn attakkaw mill-art bil-kanuni tat-tip Ack Ack: Ma twaqqa l-ebda ajruplan.
13-il ajruplan tat-tip Bombers jattakkaw iż-żona tal-Port il-Kbir: il-kanuni tal-art tal-Batterija ta’ San Pietru ġew ibbumbardjati.Nhar it-22 ta’ April 1942: “L-agħar siegħa ta’ Malta” – l-aħħar 7 Spitfires li kapaċi jittajru. Il-pilota Kanadiż Buck McNair tal-ajruplan Spitfire ilaqqam din il-ġurnata bħala “l-agħar siegħa ta’ Malta”. Huwa jgħid li, “F’siegħa mit-twaqqif tar-radar plotters urew li Luftwaffe kienu qed iħallu l-bażi ta’ Sqallija u kienu fi triqithom lejn Malta. Ħadna tliet siegħat sħaħ biex imlejna bil-fuel l-aħħar seba’ Spitfires li kien għad fadlilna, u armajniehom bl-iktar sigurtà massima li stajna. Barra minn hekk, il-kanuni ma kienux iċċekjati fl- Ingilterra, u kellhom jiġu armati xorta għax kien hemm problema fil-munizzjon. Dawn kienu mtajra u lesti daqs li kieku ġodda u għadhom fl-ewwel attaki tagħhom u lesti biex ikissru kemm jifilħu. Il-Ġermaniżi kienu tajbin ħafna. Erbgħa u għoxrin siegħa wara, sebgħa minn sitta u erbgħin kienu għadhom kapaċi jittajru. Kienet l-agħar siegħa ta’ Malta.” It-Temp: Riħ qawwi mil-Lbiċ, 100% msaħħab. Fis-17:50, 21 ajruplan tat-tip JU 87 (stukas) u 26 ajruplan tat-tip JU 88 attakkaw il-Port il-Kbir, kif ukoll il- Belt Valletta u l-Furjana, il-Kalkara u it-Tarzna. Il-bombi waqgħu wkoll bejn Ħaż-Żabbar u l-fortifikazzjonijiet tal-Kottonera.
Ajruplani tat-tip Bombers jattakkaw diversi kanuni tal-art. Żewġ kanuni żagħar tat-tip Ack Ack jintlaqtu minn bombi, u jmutu ħamsa u jindarbu sebgħa, inkluż wieħed serjament. Bomba tisplodi viċin il-kanun Tal-Handaq fejn iweġġa’ suldat ieħor u tkisru żewġ kanuni. Bombi oħra jinżlu viċin il-kanuni tal-Batterija ta’ San Pietru, fejn xi munizzjon ħa n-nar, u viċin is-searchlight tal-Gudia fejn weġġa suldat.Nhar is-27 ta’ April 1942: It-Taljani jattakkaw lil Malta bil-qawwa kollha. Air Raids: Inżul ix-xemx tas-27 ta’ April għal inżul ix-xemx tat-28 ta’ April 1942. It-Temp: Riħ minn Nofsinhar, ftit imsaħħab. Fil-11:15, balla bombi jagħqu bejn Ħaż-Żabbar u Tal-Grazzja. Il-Bumbardiera tal-art ikissru ajruplan tat-tip JU 88 fejn jagħqa viċin post tad-difensuri tas-settur tar-Rnella tal-ewwel riġment tal-BN Cheshire.
Nhar it-30 ta’ April 1942 Air Raids: Inżul ix-xemx tat-30 ta’ April għal inżul ix-xemx tal-01 ta’ Mejju 1942. It-Temp: Riħ minn-Nofsinhar: l-ebda sħab. Ċpar sħun. Fil-11:35 Bombi jisplodu viċin San Pietru.
Nhar is-7 ta’ Mejju 1942: Il-Gvernatur Dobbie jitlaq minn Malta taħt attakk. Air Raids: Inżul ix-xemx tas-7 ta’ Mejju għal inżul ix-xemx tat-8 ta’ Mejju 1942. F’00:02 u fit-03:00, żewġ air raids jinstemgħu għal 18-il attakk millgħadu fejn tefgħu mijiet ta’ bombi madwar Malta kollha. Bombi interfgħu fuq ir-Rabat, il-Mosta u San Pawl tat-Tarġa, Pembroke u x-xatt tal-Imsida, il-Forti Ricasoli u r-Rnella, il-Gudja, il-Latnija, il-bajja ta’ Marsaxlokk, Delimara, Lapsi, u fil-baħar. Wieħed mil-bumbardieri tal-art kważi jintlaqat u jikkawża ħsarat fuq il-munizjon tiegħu stess.
Nhar it-12 ta’ Mejju 1942: Luftwaffe jiġġieldu lura. Jintilfu 9 Spitfires. Air Raids: Inżul ix-xemx tat-12 ta’ Mejju għal inżul ix-xemx tat-13 ta’ Mejju 1942. It-Temp: Imċajpar iżda bla sħab. Bil-lejl, erba’ alerti tas-sireni jinstemgħu meta joqorbu għaxar ajruplani tal-għadu. Bombi ntefgħu fuq ir-Rnella, fuq il-bajja tas-Salina, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u fil-baħar.
Nhar is-27 ta’ Mejju 1942: Il-Bumbardieri ta’ Malta jattakkaw żewġ konvojs ta’ Rommel. Air Raids: Inżul ix-xemx tas-27 ta’ Mejju għal inżul ix-xemx tat-28 ta’ Mejju 1942. It-Temp: Riħ moderat mix-Xlokk li dar għal-Lbiċ iżjed tard matul il-ġurnata. 80% imsaħħab ’il fuq minn 15,000 pied. Viżibiltà ta’ 10-15-il mil. Fil-23:20 tinstema’ s-sirena tal-air raid. L-għadu jersaq viċin Malta u jitfa’ l-bombi fuq ir- Ricasoli u Ħal Luqa.
Il-Kalkara kienet waħda mill-aktar irħula li sofrew matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Huma bosta dawk il-Kalkariżi li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom f ’dawk is-snin qerrieda. Iżda, fuq kollox, l-ebda raħal ieħor f’Malta ma tilef ukoll il-Knisja Parrokkjali bl-istatwa titulari b’kollox! Traġedja kbira li diffiċli biex tfieq.
Referenza: http://www.maltagc70.com