L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tinnota b’sodisfazzjon li f’dawn l-aħħar xhur bdew ix-xogħlijiet preliminari ta’ restawr fil-Forti Ricasoli. Il-ħidma li saret u qed issir tikkonsisti f’rimi ta’ skart u materjal ieħor mill-Cleansing and Maintenance Division tal-Gvern, kif ukoll tqegħid ta’ scaffolding u bidu ta’ restawr fuq l-istruttura magħrufa bħala casemated battery mid-Direttorat tar-Restawr.
L-Assoċjazzjoni ilha għal dawn l-aħħar sentejn tagħmel pressjoni sabiex dan il-forti, wirt storiku ta’ importanza nazzjonali u l-ikbar wieħed fl-Ewropa, jiġi restawrat. Dan anki minħabba l-fatt li d-deterjorazzjoni fuqu hija waħda mgħaġġla mgħejuna mill-elementi naturali. Il-ħanqa tal-Assoċjazzjoni wasslet biex il-ħtieġa ta’ restawr ta’ dan il-forti titla’ fuq l-aġenda nazzjonali, anki permezz ta’ rapport li ħejjiet hi stess li ġie preżentat lill-għola awtoritajiet, fosthom lill-Prim Ministru l-Onor. Dr. Joseph Muscat u lill-Onor. Glenn Bedingfield f’isem il-Fondazzjoni Kottonera.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara tixtieq trodd ħajr lill-Gvern Malti li laqa’ din it-talba, fosthom lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali l-Onor. Dr. Owen Bonnici li taħt id-dekasteru tiegħu jaqa’ dan il-proġett. L-Assoċjazzjoni tħares ‘il quddiem biex anki jinbeda’ proċess li permezz tiegħu jiġi salvagwardjat il-forti anki minn naħa ta’ barra tal-port fejn il-ħsara hija waħda massiċċa.
Ritratti: Restoration Directorate u Cleansing and Maintenance
Prosit,fl-ahhar se jsir xi haga.