Kien żmien l-Assedju l-Kbir ta’ Malta meta l-Misilmin imexxija minn Dragut rifsu l-art u bdew jattakkaw lill-Maltin u lill-Kavallieri. Il-Musulmani kienu ħakmu taħt idhom il-Kalkara, dak iż-żmien aktar magħrufa bħala ‘Tas-Salvatur’ għar-raġuni li fl-inħawi kien hemm kappella idedikata lis-Salvatur.
Il-Kalkara kien l-iżjed post idejali sabiex ikunu jistgħu jattakkaw lill-Kavallieri peress li dawn kienu qed jattakkaw lura minn wara l-forti tal-Birgu.
Waqt l-attakki l-Misilmin kienu jinħbew wara l-kappella sabiex jistkennu mil-attakki tal-Kavalieri. Kien hawn li La Valette, dak iż-żmien Gran Mastru u difensur tal-gżira, ordna t-twaqqiegħ ta’ din il-kappella.
It-taqtiegħa kienet twila u t-Torok kienu spiss jippruvaw jagħtu s-salt biex jirbħu l-inħawi iżda La Valette kien iħeġġeġ lill-Maltin u l-Kavallieri sabiex ma jaqtgħux qalbhom u b’kuraġġ u fidi f’Alla jibqgħu jiffaċċjaw lill-Misilmin u jipproteġu lill-pajjiżhom.
Fl-aħħar wasal tmiem l-Assedju, it-Torok ħarġu telliefa u l-ftit li kien għad fadal ħajja ħarbu lura lejn l-iġfna tagħhom u telqu lura lejn pajjiżhom. Kif raw dan il-Maltin ferħu mhux ftit u rħewla lejn l-għolja tal-Kalkara. La Valette dlonk niżel għarkopptejh sabiex jagħti ħajr lil Alla bis-suldati kollha u l-Maltin ħdejh.
Ma kellux xbieha ta’ Kristu sabiex iwensu fih, u kien għalhekk li ħareġ x-xabla tiegħu stess u daħħalha fl-art bħal salib. Il-miġgħema kollha bdiet titlob u tirringrazzja lil Alla għal din ir-rebħa.
Ftit wara l-kappella, li kienet tinsab ftit ‘il bogħod, reġgħet inbniet mill-ġdid.
Biex titfakkar din il-ġrajja, aktar tard maż-żmien, il-Maltin bnew salib kbir fuq l-istess post iżda sfortunatament dan iġġarraf fil-gwerra. Ftit insibu ritratti ta’ dan il-monument ta’ tant storja kbira, iżda nafu li dan kien jinsab fejn illum insibu Pjazza Sagra Familja.
Għalkemm din hija leġġenda, tkun ħaġa ferm sabiħa li kieku dan il-monument tas-salib isib postu lura fil-Kalkara.