Il-familja Bichi, fl-imgħoddi sidien ta’ bosta artijiet fil-Kalkara, kienet tikri partijiet mill-art fuq l-għolja tas-Salvatur lil terzi persuni fejn kienu jinbnew djar żgħar bil-ġonna fil-madwar. Nhar it-2 ta’ Novembru 1744, ċertu Carlo Zammit mil-Belt Valletta talab permess biex jirranġa dar antika u jibni tnejn oħra fit-tliet ġonna li hu kellu fi Triq San Salvatore bejn iż-żewġ fortifikazzjonijiet ta’ Borgo u Ricasoli. Il-kummissarju tal-fortifikazzjonijiet fir-rapport tiegħu saħaq li l-applikant akkwista l-art mingħand il-familja nobbli ta’ Bichi fuq kiri perpetwu. Il-permess għall-bini ngħatalu fid-9 ta’ Novembru. L-istess Zammit nhar l-1 ta’ Awissu 1746 talab biex jitħalla jżid karma ma’ waħda mill-kmamar mibnija riċentement, u l-permess ħareġ fid-9 tal-istess xahar.
Mons. Domenico Sceberras kellu ġnien fil-bajja tar-Rnella. Referenza ta’ dan tinsab fl-MS. Nru. 372, paġna 46, kif ġej:
Poeżija minquxa fuq l-irħam miktuba minn Dr. Gio. Francesco Bonamico fl-1677, għall-entratura ta’ dar u ġnien tal-Kanonku Costanzo inqalgħet minn hemm (id-data tal-qlugħ u l-post fejn kienet din id-dar mhux magħrufa) u tpoġġiet fuq l-entratura tal-ġnien ta’ Mons. Sceberras fir-Rnella. Il-poeżija tgħid hekk:
Hic ubi terra negat fontes frondesque vireta
Nec ullas umbras frons dedit ulla virens
Cernis ut ars fontes frondes umbrasque paravit
Et gratum musis exhibet hospitium
Traduzzjoni: Hawn fejn l-art irrifjutat l-ilma, ħdura u siġar, l-ebda siġra ma tagħmel dell, araw kif l-abiltà produċiet nixxiegħa, ħdura, siġar u dell li joffri post ta’ ġabra lill-allat Griegi.
Mons. Sceberras miet Malta fil-25 ta’ Ġunju 1744, fl-età ta’ 73 u ndifen fil-Knisja tal-Franġiskani Minuri tal-Belt. Fuq l-irħama tal-qabar tiegħu nkitbu ammonti ta’ inizjali li jħawdu lil dawk il-kurżitajri li jippruvaw jaqrawhom u jsolvuhom, għax hu xtaq li t-tweġiba tagħhom qatt ma tiġi maqtugħa.
Wara l-mewt ta’ Mons. Sceberras, il-Barunessa Margherita Sceberras, oħtu, bi dritt tal-wirt u anke skont il-liġi kanonika tal-Papa Benedittu XIII tad-29 ta’ Novembru 1728, nhar it-30 ta’ Ġunju 1744 ħadet il-pussess tal-propjetà kollha tal-familja li kienet tinkludi l-ġonna u d-dar kbira fil-bajja tar-Rnella. Il-kuntratt tan-nutar Arnaldo Morello, nhar is-17 ta’ April 1762, jaqra: “Is-Sinjorina Margerita Muscat ħalliet bħala wirt lil binha il-Baruni Lorenzo Muscat, apparti propjetajiet oħrajn, id-dar kbira (Casamento) fil-bajja tar-Rnella, bil-ġonna tagħha u l-artijiet ta’ magħha …”.
Wara il-mewt tal-Baruni Lorenzo Muscat, din il-propjetà għaddiet għand ibnu il-Baruni Emmanuele li f’Diċembru tal-1807 krieha lil William Douglas għal 60 sena b’kirja ta’ 220 skud. Wara il-mewt ta’ William Douglas fl-1828, peress li l-kuntratt tal-kiri kien għadu ma skadiex, il-kirja ġiet meħuda lura mill-Ammiraljat mingħand il-kerrej għal għand Thomas Southwood fil-25 ta’ Diċembru 1829. L-eredi Baruni Muscat fl-aħħar ċeda d-dar b’mod sħiħ nhar il-31 ta’ Marzu 1831 lil Thomas Briggs, Kummissarju Navali, għall-użu tar-Royal Navy, u fl-atti nutarili miktuba minn Diego Vella, il-propjetà ġiet deskritta hekk:
‘Il-propjetà li tinsab Malta fil-viċinanzi tal-bajja tar-Rnella u li tagħmel sehem mill-propjetà magħrufa bħala “Bighi”, u li fuqha hemm l-intenzjoni li jinbena sptar navali, tikkonsisti f’dar kbira (Casamento), ġnien u artijiet fil-ġenb ta’ din l-imsemmija dar u fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Din l-istess propjetà li ġiet mikrija għal perjodu ta’ 60 sena jibda jgħodd mit-13 ta’ Diċembru 1807 lil Ninian (sic) Douglas għall-kirja ta’ 220 skud, bi qbil li jingħata ukoll 12-il skud u 9 tari lir-Rettur jew Benefiċjarju tas-S.S. Salvatur. Il-propjetà li kienet stmata mis-Sur Giuseppe Bonavia għall-prezz ta’ 10,850 skud, inbiegħet għall-prezz ta’ 10,340 skud, bis-somma ta’ 510 skud imnaqqsa minħabba l-fatt li jrid jingħata it-12-il skud u 9 tari lir-Rettur jew Benefiċjarju tas-S.S. Salvatur.”
EMMANUELE MUSCAT
THOMAS BRIGGS, Kummissarju
SAC. VINCENZO BALZAN (Taċ-Citta Notabile, Xhud)
JOSEPH BECKETT COLLINGS, Chief Clerk għal Kummissarju Navali (Xhud)
La darba d-Dipartiment tar-Royal Navy irrikonoxxa favur il-Kanonku Don Gio. Batta Debono, bħala l-Benefiċjajru tas-Santissmu Salvatur, l-istess nutar nhar il-31 ta’ Diċembru 1831 kiteb li:
“Thomas Briggs, f’isem id-Dipartiment Navali jorbot lilu nnifsu għall-imsemmija Royal Navy, biex iħallas lir-Reverendu Kanonku Teżorier tal-Knisja Kolleġġjata tal-Belt Vittoriosa, Don Gio. Battista Debono l-Benefiċjajru attwali tal-imsemmija Knisja tas-S.S. Salvatur ġewwa l-Kalkara, fil-viċinanzi tal-Palazz Bighi, li bħas-suċċessur tiegħu jitħallas il-kera annwali ta’ 12-il skud u 9 tari.”
THOMAS BRIGGS, KUMMISSARJU
GIO. BATTA DEBONO, Kan. Teżorier u Kerrej.
J.B. Collings (Xhud)
G. Casolani (Xhud)