It-Taraġ huwa xogħol artistiku pubbliku maħluq biex joħloq dibattitu soċjali: l-iskultur ried li jiġbed l-udjenza pubblika ġenerali u mhux dik li s-soltu naraw f’mużewijiet jew gallariji tal-arti.
It-Taraġ jirrifletti s-soċjetà preżenti tagħna, l-istruttura tal-ħadid tirrifletti s-soċjetà magħquda b’saħħitha tagħna u l-akkwisti tagħha fl-aħħar ħamsin sena, iċ-ċangaturi tal-konkrit huma rappreżentattivi tal-ġlidiet u l-formazzjonijiet storiċi ta’ Malta. Il-qasma taż-żewġ materjali differenti tirrappreżenta d-diviżjonijiet fundamentali tagħna prattikament kull kwistjoni soċjali u politika fuq din il-gżira. L-iskop tal-artist hu li jagħmel is-soċjetà konxja ta’ dan il-fatt.
L-iskultura tieħu forom differenti meta tidher minn angoli differenti, fil-fatt din l-iskultura ma għandha ebda ġenb jew quddiem u wara. Meta wieħed iħares lejn din l-iskultura; din kapaċi toħloq assimilazzjoni tal-immaġinazzjoni fejn kull individwu jispiċċa ixebbaħha ma’ xi ħaġa unika għalih.
Dan il-proġett sar għall-eżami finali tal-MA Fine Art, għall-Fakultà tal-Arti u d-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Il-koordinatur kien Dr. Giuseppe Schembri Bonaci u l-eżaminatur minn pajjiż barrani kienet il-Professur Eliza Bonham Carte mill-Akkademja Irjali tal-Arti, Londra.
It-Taraġ huwa mibni fuq l-istudji tal-kostruttiviżmu u fuq il-mudel ta’ Renzo Piano b’hekk ġie temporanjament esibit fid-daħla ta’ Bieb il-Belt Valletta. Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu 2017 tpiegħed fir-roundabout ta’ Triq ir-Rnella ġewwa l-Kalkara, wara li dan inxtara mill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura bħala parti mit-tisbiħ estensiv ta’ din l-istess roundabout u l-madwar. Fil-Kalkara bosta laqqmuh bħala ‘l-anġlu tal-Kalkara’.
Din l-iskultura nħadmet mill-iskultur Noel Attard (nattardo) li jirringrazzja lis-Sur Nicholas Farrugia, lill-Arkitett Patrick Refalo, JM Vassallo Vibro Steel Ltd., General Precast Concrete Ltd. u l-familja tiegħu għall-għajnuna biex sar.
Minn hawn nirringrazzjaw lill-Onor. Ministru Joe Mizzi li ħadem biex isebbaħ din ir-roundabout bi tqassim ġdid ta’ siġar u pjanti, flimkien maż-żieda ta’ dan il-monument li sab ruħu f’din ir-roundabout tant sabiħa.
Fuq il-lemin ‘It-Taraġ’ fid-daħla tal-Belt Valletta u fuq ix-xellug fir-roundabout ġol-Kalkara