Data tal-Proġett: 15 ta’ Jannar 2021
Sa mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ntweriet ix-xewqa biex fil-lokalità jsir Heritage Trail madwar ir-raħal kollu. Dan il-proġett tniżżel bħala prijorità fil-lista ta’ proġetti mill-Kumitat tad-Direzzjoni fil-laqgħa numru 5 li saret nhar it-Tnejn 30 ta’ Ottubru 2017.
Nhar is-7 ta’ Jannar 2020, il-Fondazzjoni GalXlokk ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet għall-proġetti mill-fondi Ewropej taħt Miżura 3 – Promozzjoni tal-Wirt Kulturali bħala parti mill-Programm LEADER tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali (RDP) 2014-2020, liema fondi jkopru 80% tal-ispejjeż total finali tal-proġett. L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara ħadet din l-opportunità u bl-għajnuna tal-MEUSAC applikat taħt din il-miżura biex isir Heritage Trail fil-Kalkara. Waqt il-proċess tal-applikazzjoni nġiebu l-permessi meħtieġa mil-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kunsill Lokali tal-Kalkara biex fil-postijiet magħżula jitwaħħlu l-istainless steel stands bl-informazzjoni. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 ir-riżultati tal-proġetti magħżula damu ma ħarġu, iżda nhar il-21 ta’ Mejju 2020 ġew imħabbra u l-proġett tal-Heritage Trail ġie aċċettat. Il-ħidma preliminari bdiet mal-ewwel.
Dan il-proġett ta’ Heritage Trail ġie maqsum fuq erba’ partijiet:
- Mappa turistika tal-Kalkara diġitali mpenġija bl-idejn fejn fuqha jkunu mmarkati ikoni kulturali u storiċi kif ukoll postijiet oħra ta’ interess. Din il-mappa kellha ukoll tiġi stampata fuq karta apposta għat-tqassim eventwali. Għad-disinn tal-mappa ntgħażel l-artist żagħżugħ Alfie Gatt filwaqt li l-kumpanija BestPrint Co. Ltd. ġiet magħżulha biex tistampa din l-istess mappa.
- Inxtraw mingħand il-kumpanija Golden Gate Co. Ltd. ammont ta’ stands A5 tal-plasik biex fihom jitpoġġew xi kopji tal-mappa f’kull wieħed biex dawn jitqassmu b’xejn f’azjendi, ħwienet u entitajiet fil-Kalkara, kif ukoll fi kjosks ta’ informazzjoni għat-turisti li jinsabu madwar Malta u Għawdex.
- Inħadmu 15-il stand tal-istainless steel b’informazzjoni storika mnaqqxa fuqhom bil-Malti u bl-Ingliż, kif ukoll kodiċi QR li jwassal lill-utent għal ritratti u informazzjoni addizzjonali online. Dawn jiġu mwaħħla fuq barra biswit siti importanti fil-Kalkara. Ix-xogħol sar mil-kumpanija MCS Fabrications filwaqt li t-twaħħil sar bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Kalkara.
- Ġiet mnehdija l-websajt bl-isem VisitKalkara.com fejn minbarra li tista’ titniżżel l-istess mappa f’format pdf, wieħed jista’ jaċċessa informazzjoni dwar l-istorja tal-Kalkara u tagħrif ieħor biex jgħin lill-utent jinteraġixxi u jintegra fil-komunità u n-negozji lokali. Ix-xogħol fuq il-websajt sar kollu b’xejn mill-membru tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara Etienne Camilleri filwaqt li Duncan Brincat kiteb l-informazzjoni storika li tinsab fuq din l-istess websajt.
Sadanittant f’Novembru 2020, l-Assoċjazzjoni ddeċidiet biex tapplika ukoll għall-iskema ta’ fondi ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Volontarji taħt is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji biex tkun tista’ tkopri l-20% spiża tat-total. Għalhekk fid-9 ta’ Diċembru 2020 l-Assoċjazzjoni, waqt ċerimonja ġewwa Dar il-Mediterran, ingħatat l-ewwel parti ta’ dawn il-fondi.
Ix-xogħol fuq il-Heritage Trail tlesta kollu sa tmiem Diċembru 2020, u għaldaqstant nhar il-15 ta’ Jannar 2021 ġiet organizzata Press Conference mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara għal inawgurazzjoni tal-Kalkara Heritage Trail ġewwa l-pjazzetta ta’ quddiem il-Knisja ta’ Santa Barbara tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Kalkara stess. Wara diskorsi li saru mill-kelliema preżenti, ġiet imqassma l-mappa turistika u sar ukoll il-kxif tal-istand biswit li turi informazzjoni dwar din l-istess Knisja. Għal din iċ-ċerimonja kienu mistiedna s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej l-Onor. Dr. Stefan Zrinzo Azzopardi, s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji l-Onor. Dr. Clifton Grima, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera l-Onor. Glenn Bedingfield, is-Sindku tal-Kalkara is-Sur Wayne Aquilina, il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Kalkara Fr Brian Gialanzè, il-Gwardjan tal-Patrijiet Kapuċċini tal-Kalkara Br. Miguel Zammit u membri tal-Fondazzjoni GalXlokk, fost l-oħrajn.