Ix-Xewkija

ethelyne.italic-visit-kalkara

back-icon home-icon

maltese english

go-to-location

Iż-żona magħrufa bħala x-Xewkija hija medda żgħira ta’ art li tifforma ruħha fi xtajta taħt wieħed mill-bastjuni tas-swar li jdawru l-belt tal-Birgu u l-bidu tas-swar magħrufa bħala Cottonera Lines. Minn żminijiet imbegħda kienet tintuża bħala post li fiha jinżammu opri tal-baħar żgħar u dan minħabba l-fatt li d-daħla tal-Kalkara minn dejjem kienet imkien magħruf għas-sajjieda u l-barklori. Dan minbarra l-bini u t-tiswijiet tal-opri tal-baħar li maż-żmien sabu posthom fl-istess inħawi.

L-etimoloġija tal-isem xewkija x’aktarx ġej mill-fatt li l-art madwar is-swar minn naħa tal-Kalkara kienet xagħri bil-blat u għaldaqstant huwa probabbli li f’din iż-żona wieħed kien isib ammont ta’ xewk. Jista’ jagħti l-każ ukoll li l-isem ġej minħabba li din ix-xtajta tinsab fix-xewka tas-sur. Illum, għalkemm b’mod ridott, għadna nsibu hawn il-bini tad-dgħajjes tradizzjonali.