Il-Bajja tar-Rnella

ethelyne.italic-visit-kalkara

back-icon home-icon

maltese english

go-to-location

Il-Bajja tar-Rnella hija l-unika bajja li tinsab fil-Port il-Kbir. Tinsab biss ftit metri bogħod mill-eqreb waqfa tal-linja (xarabank numru 3 mill-Belt Valletta) u hija aċċessibbli faċilment bil-mixi minn Triq ir-Rnella jew Triq Santu Rokku.

Din il-bajja hija maqsuma fi tliet taqsimiet, fuq in-naħa tax-xellug hemm moll tal-konkrit, fit-tarf tiegħu hemm imwaħħla doċċa biex min juża din il-bajja jkun jista jitlaħlaħ b’xejn bl-ilma ħelu. Il-bajja bir-ramel tinsab fin-nofs u fuq in-naħa tal-lemin hemm il-blat naturali, f’din iż-żona jistgħu jgħumu l-klieb. Hemm ukoll latrini pubbliċi mibnija riċenti u anke tliet ristoranti u take-aways li wieħed jista’ jżur mad-dawra tal-bajja.

Il-veduti minn din il-bajja huma spettakolari. Fuq naħa hemm l-Isptar Bighi (illum jospita Heritage Malta), xi fdalijiet ta’ villa meqruda matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-porvlista, illum jospita l-iScouts. Fuq in-naħa l-oħra tispikka Forti Ricasoli, il-bieb maestuż tagħha jħares fuq il-bajja filwaqt li faċċata tal-bajja ramlija wieħed jista’ jara il-peniżola tal-Belt Kapitali, il-Belt Valletta.

L-isem ta’ Triq ir-Rnella huwa meħud mill-isem ta’ din il-bajja. Il-kelma “Rnella” ġejja mil-kelma Taljana “Arenella”, arena żgħira minħabba l-għamla ta’ din il-bajja. Barra minn hekk, dan l-isem ngħata ukoll peress li fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann fit-tarf tal-peniżola kienet tingħata l-forka, b’hekk magħrufa bħala “Punta delle Forche”, u mill-bajja l-miġemgħa kienet tara lill-iskjavi jiġu mgħallqa.


Affarijiet oħra nteressanti fil-viċin

Il-villa u l-ġonna fil-bajja tar-Rnella